TRUSTS

  • Fra 02, 2017 08:30
  • Miktub minn Alfred Sant

    TRUSTS

    Wieħed mill-effetti tal-iskandlu tal-karti tal-Panama se jkun l-iżvilupp ta’ politika fost il-pajjiżi Ewropej li jiftaħ beraħ l-istrutturi li bihom jitmexxew it-trusts. Dawn huma entijiet legali li jippermettu li kumpaniji u individwi jċaqalqu fondi kbar minn post għal post bl-akbar segretezza. F’Malta u f’pajjiżi oħra li joffru servizzi finanzjarji fuq bażi internazzjonali it-trusts saru għodda finanzjarja komuni ħafna.

    Jintqal li s-segretezza li t-trusts jagħtu lok għaliha, tippermetti l-ħasil tal-flejjes li jkunu nqalgħu – jekk dik hi l-kelma t-tajba – minn ħidmiet mafjużi jew korrotti, jew il-ħasil ta’ fondi għat-terroriżmu.

    Ir-risposta għal din hi li jistgħu u għandhom jiddaħħlu r-regoli kollha meħtieġa biex jagħmlu l-operat tat-trusts trasparenti. B’hekk, is-sidien tagħhom ikunu magħrufa u t-transazzjonijiet li jidħlu għalihom jistgħu jiġu verifikati mill-awtoritajiet.

    Dan l-argument mhux qed jikkonvinċi lil biżżejjed nies. Ninsabu resqin lejn kontrolli aktar qawwija fuq it-trusts... sakemm l-Amerikani taħt l-amministrazzjoni l-ġdida ma jibdlux ir-rotta li ħadu sa issa.  

     

    ***

     

    IRONIJI

    F’kull żmien jispikkaw ironiji li jimmarkaw żmien minn ieħor. Xi wħud mill-ironiji li jinsabu madwarna llum:

    1)Fl-Istati Uniti hemm president li se jdaħħal miżuri kontra prattiċi bħall-abort, li l-Knisja Kattolika dejjem tħabtet kontrihom. Inzerta li llum hemm Papa fit-tmexxija li hu ffokat fuq l-inġustizzji soċjali mad-dinja, aktar milli fuq kontrolli dwar il-prattiċi riproduttivi tal-popli.

    2)L-Istati Uniti dejjem kienu aktar favur il-ħelsien lill-impriża privata milli li l-istat jonfoq aktar ħalli joħloq attività ekonomika; l-Ewropej kienu pjuttost bil-maqlub. Issa, l-Amerikani se jidħlu għal nefqiet statali kbar, mentri l-Ewropej fuq hekk baqgħu jżommu linja tal-akbar prudenza.

    3)Wara snin twal li matulhom il-PN injora bil-kbir il-problema tal-korruzzjoni, issa għamilha prattikament l-unika kawża tiegħu.

    ***

     

    MAQTUGĦIN?

     

    Snin twal ilu, diplomatiku stazzjonat f’Malta fissirli l-istagħġib tiegħu dwar kif, minkejja ċ-ċokon tal-pajjiż, il-Maltin jibqgħu maqtugħin mill-ġrajjiet li jseħħu barra xtuthom. L-aħbarijiet huma dominati mill-kontroversji lokali. Ftit tinqala’ polemika dwar sfidi kurrenti, Ewropej jew dinjija.

    Fakkartu li l-istess ħaġa tiġri f’postijiet oħra. L-istazzjonijiet televiżivi fi New York ixandru bla waqfien aħbarijiet li jikkonċernaw lill-belt tagħhom u – għalkemm anqas – lill-istat ta’ New York ukoll, imma ma juru l-ebda interess f’aħbarijiet nazzjonali jew internazzjonali. 

     Iċ-ċaqliqa ta’ spallejh bi tweġiba uriet li għalih m’hemmx paragun bejn id-daqs ta’ New York u ta’ Malta.

    Bejnietna: naħseb li kellu aktar minn biċċa raġun. Sal-lum, aħna ftit li xejn niddiskutu jew ninkwetaw ruħna dwar żviluppi fl-Ewropa jew lil hinn minnha... sakemm ma tqumx xi problema kbira bħal tal-immigrazzjoni li tolqotna bil-kbir u mill-qrib.

     

    Alfred Sant

    02 ta’ Frar 2017

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook