Ġimgħa ta’ Suċċess għal Malta

  • Fra 08, 2017 09:46
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Din il-ġimgħa kienet waħda ta’ suċċess għal Malta permezz tal-Presidenza.  Dan għaliex fl-ewwel xahar tal-Presidenza Maltija l-Unjoni Ewropea ħadet żewġ deċiżjonijiet importanti.  Dawn ma kinux importanti biss għaċ-ċittadini Ewropej iżda wkoll għall-Maltin.  Is-suċċess tagħhom mhux biss għaliex kienu deċiżjonijiet importanti li jolqtu lin-nies, iżda wkoll għaliex dawn intlaħqu fl-ewwel xahar tal-Presidenza.  Ftit kien hemm Presidenzi fejn f’temp ta’ xahar ittieħdu deċiżjonijiet importanti daqshekk malajr.  Dan juri li l-preparazzjoni kienet waħda siewja u estensiva.  Dan għaliex is-suġġetti kienu sensittivi u l-opinjonijiet tal-Istati Membri fuq dawn is-suġġetti kienu ‘l bogħod minn xulxin.

    Roaming Charges

    L-ewwel riżultat kien dak tar-roaming charges li dawn ser jerġgħu jorħsu drastikament.    Dan ma kienx riżultat faċli minħabba diversi fatturi.  L-akbar problema kienet il-pressjoni kbira li kien hemm mill-operaturi sew direttament u sew permezz tal-gvernijiet tagħhom.  

    Ħafna min-nies ma jafux li waħda mill-aktar affarijiet li tolqtok Brussels hi l-lobijing li jsir.  L-industriji l-kbar u l-business għandhom organizzazzjonijiet qawwija biex jagħmlu dan il-lobijing.  Nitkellem ċar dan il-lobijing mhu xejn għajr taħlita ta’ bini ta’ relazzjoni mal-uffiċjali tal-KE u pressjoni.  L-industrija u l-business għandhom ħafna nies li xogħolhom mhu xejn ħlief li joqogħdu Brussels biex jagħmlu pressjoni kontinwa biex l-interessi tagħhom jkunu żgurati.  Dan barra l-fatt li l-industrija għandha riżorsi u mezzi biżżejjed biex tkun tista’ tippremja dawk il-Kummissarji li jgħinuhom.

    L-industrija tat-telekommunikazzjoni hi waħda qawwija u għandha influwenza kbira.  Tant hi kbira l-influwenza li għandha li dan hu l-uniku settur fejn għall-Unjoni Ewropea kuntratt bejn konsumatur u operatur li jipprovdi servizz tat-telekommunikazzjoni jista’ jitħassar mill-operatur kull meta jfettillu.  Il-problema hi li l-konsumatur ma jistax jagħmel hekk.

    Biss minkejja dan kollu, it-team Malti ħadem ħafna u ġab ħolma tal-konsumaturi realta’ – int ma tħallasx prezz aktar għoli meta ċċempel għall-pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea.  Il-Gvern Malti minkejja din il-pressjoni speċjalment mill-operaturi Maltin ħa l-interess tal-konsumaturi u wegħda, li kienet ser tintilef sew għaċ-ċittadini Maltin u Ewropew, fl-aħħar seħħet.

    Bżonn ta’ soluzzjonijiet ġodda

    Waħda mill-akbar problemi li llum għandha l-Ewropa hi l-massa ta’ immigranti li qed jidħlu fl-Ewropa.  Din hi waħda mit-temi importanti li qed imexxi l-Gvern Malti tul il-Presidenza.  Il-Prim Ministru ġieli tkellem dwarha b’mod miftuħ.  Filwaqt li hu rikonoxxut li ammont kbir ta’ immigranti jistgħu joħolqu problemi fil-pajjiżi li qed imorru, dejjem irikonoxxa l-fatt li dawn m’għandhomx jiġu sfruttati u li għandna responsabilita’ li ma nħalluhomx jerqgħu fil-vjaġġ tagħhom għall-Ewropa.  Biss jirrikonoxxi l-fatt li biex insolvu din il-problema rridu nsibu soluzzjonijiet ġodda li jaħdmu.  Hu għalhekk li l-Gvern Malti kien qed jaħdem bis-sħiħ wara l-kwinti biex tul il-Presidenza jinstabu soluzzjonijiet effiċjenti li nkunu nistgħu nużaw sabiex is-sajf li ġej ma jkunx sajf bħal dak li għadda li mhux biss ta daqqa’ għall-ftehim ta’ Shengen, erġajna rajna ħitan tal-ħadid telgħin mal-fruntieri u kważi istabilizza gvernijiet Ewropej.  Dan barra l-eluf ta’ ħajjiet li ntilfu fosthom ħafna tfal.

    F’dan il-qasam ukoll, il-ġimgħa li għaddiet kien hemm żviluppi.  Is-soluzzjoni nstabet billi minflok ħarisna lejn il-Libja bħala problema llum qed narawha bħala parti mis-soluzzjoni.  F’dan il-qasam, bħal fil-qasam tat-telekommunikazzjoni kien hemm qasma kbira bejn l-Istati Membri.  Biss żgur li ż-żjarat li saru mill-Prim Ministru fl-aħħar tas-sena l-oħra f’certi pajjiżi li kienu magħrufa li kienu setgħu jaqalgħu ħafna diffikultajiet biex tinstab soluzzjoni għenu bil-kbir.  F’dan il-qasam il-Gvern Malti kien pro-attiv.  Meta tkun pro-attiv iggib ir-riżultati.  Dan hu kuntrast ma’ dak li konna ksibna taħt gvernijiet differenti għax minflok konna pro-attivi stennejna l-bajtra taqa’ f’ħalqna.  Minflok riżultati pożittivi għalina konna ġejna f’pożizzjoni fejn ħallasna għall-bajtra u din ġiet f’ħalq ħaddieħor.

    It-tfal u l-qasam finanzjarju

    Fil-qasam finanzjarju dan l-aħħar sar sforz biex inkabbru l-informazzjoni u t-tagħlim fiż-żgħar tagħna dwar dan il-qasam speċjalment ngħallmuhom kif jistgħu jieħdu sehem attiv bħala investituri.

    Inizjattiva tajba biss fl-opinjoni tiegħi ser issir b’mod tradizzjonali li kull ma jkun ir-riżultat hu li nżidu fuq il-piż tat-tagħlim fuq iż-żgħar bir-riżultat probabilment li dawn jsiru jobogħdu dan it-tagħlim. 

    Għalija s-soluzzjoni hi billi nsibu mezzi biex iż-żgħar jibdew jieħdu sehem f’dan is-settur minn issa.  U hawn niftakar li meta l-ġenerazzjoni tiegħi konna tfal kienu daħlunna s-sens ta’ tfaddil billi permezz tal-Bank tal-Gvern ta’ dak iż-żmien kellna account u kull xahar kienu jiġu biex niddepożitaw dak li konna ġemmajna.  Kienet attivita’ li mhux biss daħlitilna sens ta’ tfaddil iżda permezz t’hekk tgħallimna wkoll kif jaħdmu kif jaħdmu sew l-account bankarji u sew il-banek.

    Personalment nara li soluzzjoni hemm.  Jekk irridu l-ġenerazzjonijiet ikunu jifhmu kif għandhom jinvestu għandna nsibulhom mezz biex minn issa jibdew jinvestu.  Biss biex isir hekk iridu noħolqu mezzi biex ikun worth it li jinvestu ammonti żgħar billi nagħmlu l-affarijiet sempliċi u nnaqqsu l-ispejjeż. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook