Bidla

  • Fra 09, 2017 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

     

    BIDLA 

    Meta tqum xi proposta għal riforma jew bidla radikali fil-mod kif l-affarijiet jitmexxew f’soċjetà, l-għażla tkun bejn żewġ toroq: jew li ddaħħal il-bidla kollha f’daqqa u tlesti biex tilqa’ għall-iskossi kbar li tkun qajjimt (dik li ġieli jsejħulha l-“big bang”); jew li twettaq bidla pass wara pass, skont pjan maħsub u b’rieda li mal-esperjenza li tinġema’ waqt dan l-eżerċizzju, tara kif tiffoka t-tir aħjar.

    F’Malta għandna l-esperjenza taż-żewġ tipi ta’ bidla. L-aktar waħda li rnexxiet kienet il-bidla li biha Malta spiċċat għal kollox milli tistrieħ fuq bażi militari għall-għajxien ekonomiku tagħha. Ġrat matul is-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor u twettqet matul żmien ta’ seba’ snin ta’ transizzjoni. Iż-żgħażagħ tal-lum m’għandhom l-ebda idea li darba, l-għajxien tal-familji tagħna kien jiddependi bil-kbir min-nefqa Brittanika fuq “difiża”. 

    L-esperjenza tal-“big bang” għaddejna minnha kemm-il darba. Irnexxiet fil-bidla tal-lira Maltija mix-xelini u s-soldi għaċ-ċenteżmi tal-lira (ukoll fis-snin sebgħin), u fil-qalba mil-lira għall-ewro. Fiż-żewġ każi ma kienx hemm alternattiva għal bidla ta’ f’daqqa. Imma din kienet diżastru totali meta tħaddmet fil-bidla għal trasport publiku mal-gżira li kellu jitmexxa minn kumpanija waħda.

    KNISJA

    Għal min jinteressa ruħu f’kif l-organizzazzjonijiet jaddattaw l-imġiba tagħhom, dak li jinsab għaddej bħalissa fil-Knisja Kattoliku hu affaxxinanti.

    Organizzazzjoni li rabtet il-valuri ċentrali tagħha ma’ kontrolli fuq l-imġiba sesswali tal-fidili tagħha issa qed tipprova tħoll l-istess kontrolli. Qed tagħmel hekk għax it-tħaddim tagħhom qed ikompli jbiegħed minnha l-fidili u b’hekk iċekken il-poter tagħha, temporali u spiritwali. U in parti qed tagħmel hekk ukoll minn konvinzjoni ġenwina li l-prattiċi tal-imgħoddi m’għadhomx jgħoddu għall-modi ta’ ħajja tal-lum.

    Bidla radikali bħal din bilfors tqajjem inċertezzi kbar, l-aktar fost fidili li għadhom ankrati mal-valuri li trawmu fihom; u fost l-istess aġenti tal-Knisja... qassisin, attivisti reliġjużi... li għaddew ħajjithom isostnuhom.

    FILLON 

    Francois Fillon rebaħ il-primarja li biha l-lemin fi Franza għażlu bħala l-kandidat tiegħu għall-elezzjoni presidenzjali fuq l-għajta għal tmexxija nadifa.

    Imbagħad ħarġulu evidenza li għal snin twal, kien irranġa biex martu u ż-żewġt itfal tiegħu jitħallsu somma li kważi laħħqet il-miljun ewro għal impjiegi li ma kinux jeżistu.

    Il-kjass li qam għadu għaddej. Ftit illum jagħtu ċans lil Fillon li jsir President ta’ Franza; sa tliet ġimgħat ilu kien il-favorit.

    Mal-Ewropa kollha, ir-rabtiet bejn flus u politika qed iqanqlu kwistjonijiet kontroversjali li qed ikomplu jżidu d-dwejjaq tal-popli kontra l-politika u l-politikanti. Kif sejrin l-affarijiet, dan id-dwejjaq mhux se jaqta’ sa ftit taż-żmien ieħor.  

     

    Alfred Sant

    09 ta’ Frar 2017

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook