CETA

  • Fra 13, 2017 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    CETA

    Hawn Malta ftit tajna kasha. Imma hi deċiżjoni iebsa. Il-gvern qal li m’hemmx problema – aħna favur. Forsi mhijiex ħaġa daqshekk ħafifa.

    Is-CETA – il-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar kummerċ u investiment “ħielsa” – waslet għal deċiżjonijiet ta’ ratifika min-naħa taz-zewġ firmatarji. Il-kontroversji dwarha ma naqsux, l-aktar meta tpoġġiet ras imb’ ras mat-TTIP, il-ftehim tal-istess tip imma ħafna aktar importanti, li l-Unjoni Ewropea riedet tinnegozja mal-Istati Uniti ta’ zmien Barack Obama. It-TTIP qajjem ukoll kontroversji kbar. Minn qabel il-wasla ta’ Trump spiċċa moribond. Is-CETA seta’ għereq miegħu.

    Baqa’ fil-wiċċ. Fil-Parlament Ewropew irridu nivvotaw dwaru dil-ġimgħa. Bħall-gruppi politiċi oħra fil-Parlament, is-soċjalisti u d-demokratiċi qed jaqblu biex jivvotaw favur is-CETA.

    Jien wieħed minn dawk li mhumiex komdi b’dan. It-trejd unjins kollha tista’ tgħid tal-Ewropa ( u tal-Kanada) ħarġu kontra s-CETA.

    U s-soċjalisti se jkunu favuru?

    Korruzzjoni

    F’bosta mill-pajjizi tal-Ewropa, jekk mhux kollha, il-korruzzjoni saret tema qawwija, anzi taħraq. Mhux fir-Rumanija biss, fejn għexieren ta’ eluf ta’ dimostranti ħarġu jipprotestaw kontra l-mod kif il-gvern ipprova jgħattiha u jiskolpaha.

    Fi Spanja, l-iskandli dwar korruzzjoni mill-gvern tal-popolari għadhom għaddejja, b’kull ftit taz-zmien tfaqqa’ xi storja ġdida. Fi Franza, l-problemi tal-kandidat tal-lemin Francois Fillon bl-akkuzi ta’ impjiegi fittizji għal martu u uliedu ħarbtulu ċ-ċansijiet tajba li kellu biex jingħazel President ta’ Franza. It-taħwid li għaddej fit-tmexxija ta’ Ruma taħt id-drezzjoni “friska” u riċenti taċ-Cinque Stelle saret telenovela Taljana. L-istejjer mhumiex jonqsu ġejja mill-Awstrija, l-Olanda, l-Ġermanja. F’Malta, għandna min iqajjem stejjer li uħud jixirqilhom, huma wkoll, investigazzjoni.

    Imma fil-politika Ewropea, l-korruzzjoni hi xi ħaġa li takkuza biha lill-partit oppost. Meta tmiss lil tiegħek, tippreferi x’aktarx li tħares in-naħa l-oħra.

    Snin ilu, kont ipproponejt li ndaħħlu sistema ta’ maġistrat inkwirenti fuq korruzzjoni li jkollu poteri ta’ investigazzjoni u pulizija tiegħu. M’hemmx mod ieħor kif tegħleb il-korruzzjoni. Ħadd ma qabel, mill-membri tal-ġudikatura ’l isfel.

    Gwerra tal-klassi

    Fi zminijiet oħra, kienet ħaġa normali li nitkellmu dwar il-konflitti politiċi f’termini ta’ “gwerra tal-klassi”. Veru, kien kunċett marksista uzat bil-kbir mill-partiti komunisti.

    Il-kunċett innifsu, kienu jgħidulna, iservi biss biex iqanqal mibegħda – “odju” kienet il-kelma preferita – mingħajr ma jitfa’ dawl fuq kif soċjetà tinbena u tieħu l-ħajja madwar strutturi parteċipattivi. Ftit ftit, l-espressjoni mietet fuq iz-zokk.

    Imma l-gwerra tal-klassi baqgħet għaddejja. Bla spjegi zejda dwar xinhi, imma b’ħafna kliem li jagħtuha l-ħajja fil-midja soċjali, f’firxa wiesgħa ta’ referenzi li jitilqu mill-pastizzi sad-diskors falz dwar xinhu korrett u xinhu kundannabbli.

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0