DIVERĠENZI FIŻ-ŻONA EWRO

  • Fra 16, 2017 09:15
  • Miktub minn Alfred Sant

    DIVERĠENZI FIŻ-ŻONA EWRO

    Iż-żona ewro ma tinsabx taħt il-pressjonijiet li qanqluha ftit tas-snin ilu. Il-kriżijiet akuti jinsabu mbiegħda. Fil-biċċa l-kbira, l-ekonomiji qed jagħtu riżultati pożittivi. Setgħu kienu aħjar, imma qed itellqu sew.

    Din tista’ tkun stampa qarrieqa u mhux minħabba li d-deni Grieg jista’ jerġa’ jiżbroffa mil-lum għal għada.

    Problema ewlenija baqgħet li hemm diverġenzi dejjem jikbru bejn ekonomiji taż-żona li sejrin tajjeb u oħrajn li sejrin anqas tajjeb. Il-firda – jekk trid, bejn in-nord u s-sud taż-żona – hemm għadha. Xejn milli qed jiġri bħalissa mhu jservi biex itaffiha; pjuttost bil-maqlub.

    Id-diriġenti politiċi u monetarji –ma tlumhomx – baqgħu medhija jisħqu fuq kif it-tazza hi nofsha mimlija. Jekk jagħmlu mod ieħor, it-tazza malajr titbattal. Biss, jekk ma naffaċċjawx ir-realtà tan-nofs battal, l-istess ħaġa se tiġri.

     

    AIR MALTA

    Mhux biss il-ħaddiema tal-Air Malta qed jistaqsu b’ansjetà dejjem akbar: Quo Vadis? dwarha – imma kull min jemmen li neħtieġu kumpanija nazzjonali tal-ajru biex isservi ta’ għodda għas-sostenn tat-turiżmu lejn pajjiżna.

     Is-sireni tal-ideoloġija favur l-impriża privata, jgħidulna: tinkwetawx: mingħajrha, impriżi oħra xorta jikkompetu bejniethom biex iżommu t-turiżmu lejn pajjiżna għaddej bil-kbir skont il-profitti li jagħmlu.

    Mhux hekk: malli l-profitti jmajnaw, dawn ibewġu ’l barra mingħajr l-iċken ħsieb biex ikomplu jistinkaw ħalli jagħtu ħajja ġdida lit-turiżmu.

    Matul is-snin, bħal pajjiżi oħra, aħna tlifna l-boxxla ta’ kif impriżi statali għandhom jitmexxew: skont liema prinċipji, b’liema dixxiplina tas-suq, għal liema għanijiet.

    Mal-Ewropa kollha nfirxet imbagħad ideoloġijaneo-liberali li f’isem l-effiċjenza, qed iċċaħħad lill-ġnus mill-flessibilità li jimmuntaw ir-riżorsi nazzjonali biex jidderieġu l-ħidma ekonomika. Din approfittat ruħha minn ideoloġija“xellugija” li qabilha, donnha serviet biex iċċaħħad lill-istess stati milli jeżerċitaw id-dixxiplina meħtieġa ħalli jiżguraw li impriżi statali jitmexxew bil-prudenza li kienet tippermettilhom joperaw b’għaqal fi swieq kompetittivi.

    KONVINZJONI MORALI

    Meta tasal sa ċerta età kif għamilt jien, ikollok il-privileġġ titbissem b’ċerti bidliet li tara madwarek. Dawn ma jkunux qed jirriżultaw biss minn xi bidla fil-moda ta’ kif inħarsu lejn xulxin u kif inġibu ruħna.

    Tbissimt dan l-aħħar naqra rapport dwar każ ta’ allegat korruzzjoni. Min għamlu wasal għall-konklużjonijiet tiegħu fuq il-bażi ta’ “konvinzjoni morali”.

    Ftakart kif – wara kollox m’ilux daqstant – ilħna dotti ma naqsux milli jxerrdu żeblieħ totali meta fuq każ ieħor, jien fissirt l-istess konvinzjoni – morali u “intima” . Kien każ aktar serju minn dak li dwaru sar ir-rapport ta’ dan l-aħħar: bl-indizji ħafna aktar qawwija.

    Jinbidlu l-istaġuni u magħhom l-apprezzamenti: skont il-waltz ta’ liema dellijiet?

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0