Kumitat Panama f'Malta

  • Fra 20, 2017 09:45
  • Miktub minn Alfred Sant

    Il-membri tal-kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-iskandlu tal-karti tal-Panama huma merħba f’Malta. Hi ħaġa ovvja li se jkunu ttikati waqt iż-żjara qasira tagħhom dwar il-kwistjoni Mizzi-Schembri, b’imbuttaturi krudi mill-Partit Nazzjonalista.

    X’jista’ jiġri fuq dil-kwistjoni, ftit narah relevanti għall-vera missjoni tad-deputati Ewropej li qed iżuruna. Din fil-fatt tikkonċerna r-rwol tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna, u tas-sistema ta’ tassazzjoni li l-gżira tagħna topera.

    Qed immexxu ġenna fiskali jew le? Qed nippermettu l-ħasil tal-flus u l-evażjoni ta’ taxxi?

    Il-protagonisti biex ifissru għaliex dan mhux il-każ għandhom ikunu l-operaturi tas-servizzi finanzjarji privati, kif ukoll l-amministraturi tat-taxxa Maltija.

    Ninsab konvint li jistgħu jagħtu tweġibiet konvinċenti għall-mistoqsijiet li se jkunu qed iqajmu d-deputati Ewropej. L-aqwa interess li dawn għandhom hu: kif nistgħu nwaqqfu l-modi li bihom il-kumpaniji l-kbar u s-sinjuri mhumiex iħallsu t-taxxi dovuti minnhom fil-pajjiżi Ewropej?

    Is-servizzi finanzjarji Maltin ma twaqqfux biex jippromwovu dil-ħaġa. Għalhekk it-trasparenza trid tibqa’ l-aqwa regola ta’ xi jsir f’dal-qasam.

    SERVIZZI FINANZJARJI

    Jeżistu raġunijiet leġittimi għaliex individwi u kumpaniji jfittxu li joperaw il-ħidmiet finanzjarji tagħhom minn barra l-pajjiż fejn jinsabu. 

    F’ekonomija li dejjem aktar tiżviluppa skont għanijiet globalizzati, negozji li jseħħu fuq firxa ta’ pajjiżi u żoni kontinentali differenti, jridu jiġu kordinati minn post wieħed. Irid ikun post li quddiem il-firxa ta’ regolamenti u taxxi differenti li d-dħul u l-ħruġ ta’ dawn l-entijiet jridu jaffaċċjaw, ma jkomplix iżid mal-komplikazzjonijiet b’regolamenti ta’ taxxi differenti li jkunu tiegħu.

    Huma pajjiżi żgħar li jistgħu l-aħjar, jipprovdu sistemi ta’ tassazzjoni “newtrali” għal dawn il-finijiet, mingħajr ma joħolqu konfużjoni fil-bqija tas-sistema ta’ taxxi li japplikaw fuq bażi nazzjonali f’pajjizhom.

    Minn hawn, li bilfors tlaqqam lill-pajjiżi żgħar bħala “ġenna fiskali” għax jipprovdu das-servizz, jidhirli li jammonta għal simplifikazzjoni eżaġerata, biex ma ngħidx kalunnja.

     SKADENZI ELETTORALI

     Qed jagħfsu l-iskadenzi elettorali fl-Ewropa. 

    Uħud qed ibassru l-Armageddon: fis-sens ta’ mewġa qawwija ta’ populiżmu estrem li jirbaħ imkejjen essenzjali tal-Unjoni Ewropea.

    Ma tantx nemmen f’dan ix-xenarju. Aktar ibeżżagħni wieħed li jidhirli hu aktar realista: l-estremisti jagħmlu rebħiet mhux żgħar; dan iwassal għal bidla fil-klima politika, li minħabba fiha, partiti soċjal-demokratiċi u oħrajn, isaħħnu l-lingwaġġ popolari tagħhom, mingħajr ma jipprovdu rimedju tassew; anzi jissoktaw bl-aġendi tal-bieraħ.

    Dan ikompli jkattar id-diżilużżjoni fost l-elettorati li jixtiequ risposta għall-problemi li qed jaffaċċjaw fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, mhux formoli dwar kif l-Unjoni Ewropea se tibqa’ sħiħa u soda. 

    Ħażin jekk din id-diżilużżjoni tispiċċa f’sogħba li aktar tard, jirkbu fuqha l-estremiżmi, biex isiru maġġoritarji.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0