Konflitti ta' interess

  • Fra 23, 2017 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    KONFLITTI TA’ INTERESS

    Ta’ spiss wisq, fit-tmexxija tal-affarijiet publiċi jqumu konflitti ta’ interess li jitħallew għaddejja qisu ma ġara xejn.

    Hu minnu li ma rridux neżaġeraw u quddiem kull fettuqa, noħolqu konflitt ta’ interess. Speċjalment fi gżira ċkejkna bħal Malta, fejn kulħadd jiġi minn kulħadd u fejn kulħadd jaf lil kulħadd, mhux possibbli li dejjem issir firda sħiħa bejn Peppu u Ċikku.

    Madankollu, ma nistgħux nibqgħu nagħlqu għajnejna għall-ħtieġa li d-deċiżjonijiet tassew isiru b’galbu totali. Wasal iż-żmien li l-problema kollha titqies mill-qiegħ b’mod oġġettiv u trasparenti.

    Ma nistgħux nibdlu ċ-ċokon tas-soċjetà li fiha ngħixu jew il-komplikazzjonijiet li jinħolqu għas-soċjetà kollha kemm hi, jekk jiġu applikati regoli tassattivi żżejjed fuq deċiżjonijiet publiċi.

    Min-naħa l-oħra, sitwazzjoni fejn nibqgħu mingħajr regoli aġġornati tajjeb li jiggarantixxu deċiżjonijiet xierqa dwar il-fondi publiċi  żżid fis-suspetti u allegazzjonijiet dwar korruzzjoni. Tkun ħaġa tajba jekk jinħatar kumitat indipendenti biex ifassal regoli ġodda kontra konflitti ta’ interess.

     

    ***

    TRASPARENZA

    Fl-istess linja ta’ ħsieb, iqumu konsiderazzjonijiet dwar kif għandha tinżamm trasparenza fl-imġiba publika. 

    Meta dax-xahar ġew pubblikati l-kuntratti li ffirma l-gvern fil-qasam tal-enerġija, l-kritika kienet li biċċiet kbar wisq minnhom tgħattew bil-linka. Sa imgħoddi mhux imbiegħed, kuntratti tal-istess tip baqgħu ma ġewx pubblikati. Klawsoli fihom kienu jipprojbixxu li dil-ħaġa ssir.

    Barra minn hekk, jibqa’ validu l-punt li l-ħtieġa ta’ trasparenza m’għandhiex titħalla tnawwar il-konfidenzjalità ta’ ċerti kuntratti tal-gvern li jkollhom impatt kummerċjali. Hawn ukoll neħtieġu studju ġdid, rett u mhux partiġġjan, dwar kif l-aħjar jistgħu jsiru l-affarijiet fiċ-ċirkostanzi attwali.

     

    ***

    JG

     

    Iltqajt għall-ewwel darba ma’ JG Vassallo f’nofs is-snin sittin, meta bħala student universitarju, attendejt għal xi sitt ġimgħat fin-News Room tar-radjo u t-televixin (dak iż-żmien) tar-Rediffusion fi G’Mangia. Hu kien imexxiha flimkien ma’ Harold Scorey. It-tnejn kienu ta’ ftit kliem imma dak li jgħidu kien ikun bis-sens. Tgħallimt ħafna minnhom.

    Snin twal wara, erġajna ltqajna: jien kont involut fil-politika, hu fit-tmexxija tal-Kamra tal-Kummerċ. Ħafna drabi ma qbilniex. Xorta, dak li kellu xi jgħid kien iqanqalli rispett kbir.

    Terġa’ wara, kien hemm żmien fejn kont nieħu gost nisma’ l-fehmiet tiegħu dwar x’jinsab għaddej – fehmiet li kont neħodhom bħala pariri siewja.

    JG kien ġurnalist ta’ stoffa b’kitba diretta, ħafifa biex tifhimha, u membru distint tal-ewwel ġenerazzjoni ta’ ekonomisti li f’pajjiżna spuntat wara s-snin erbgħin tas-seklu l-ieħor. Mewtu dil-ġimgħa ħalliet vojt; ftit huma dawk li jistgħu jitkejlu miegħu fil-bilanċ ta’ ħidma ġurnalistika, ekonomika u politika li rnexxielu jwettaq tul ħajtu.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0