Il-ġurnalist

  • Fra 27, 2017 10:30
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Il-ġurnalisti

    Il-liberta’ tal-istampa hi parti mill-bażi tad-demokrazija.  Hu għalhekk li per eżempju ġurnalist hu skużat mil-liġi li jikxef is-sors tiegħu minfejn ikun kiseb l-informazzjoni.  

     Biss il-ġurnalisti għandhom ikunu ‘l fuq mil-liġi speċjalment meta jkun hemm l-unur ta’ persuna oħra fin-nofs?  Filwaqt li nemmen li ġurnalist għandu jxandar dak li jkun jaf bih, wara li jkun iċċekkja kemm seta’, xorta jrid iġorr ir-responsabbilta’.  Fuq kollox, għandu dritt ċittadin, ikun min ikun, li jieħu l-passi kollha biex jiddefendi l-unur tiegħu, jew għaliex min ikun xandar hu ġurnalist, iċ-ċittadin jitlef id-dritt tiegħu?

    Dawn il-mistoqsijiet għaddew minn moħħi meta dan l-aħħar ġurnalista ttieħdet azzjoni legali kontra tagħha minn Ministru għaliex ħass li dak li ntqal kien ikisser l-unur tiegħu.  Fil-fatt ħa l-passi kollha li tagħtih il-liġi.  Biss għaliex ġara dan, hemm attentat biex din il-persuna li għamlet dawn l-akkużi kontra l-Ministru din il-ġurnalista ssir martri!  

    Għalija dan l-attentat mhu xejn ħlief assurdita’ perfetta u fil-fatt hu pass kontra d-demokrazija.  Ir-raġuni hi waħda sempliċi.   Dan għaliex dan l-attentat biex jagħmlu din il-ġurnalista martri jmur kontra d-dritt taċ-ċittadin li jiddefendi unuru.  Li kieku dak li ntqal kontra dan il-Ministru kien kritika ta’ xi pass li jkun ħa jew ma jkunx ħa, forsi kont ngħid li l-Ministru esaġera fl-azzjoni tiegħu.  Iżda meta nqis li dak li ntqal mhux biss jiksirlu l-unur iżda żgur li jaqlagħlu nkwiet familjari, inħoss li l-ebda pass legali ma jkun esaġerat.  

     Fuq dan il-bilanċ diġa’ ktibt qabel fejn il-liġi aktar tiddefendi d-drittijiet tal-akkużat mingħajr ma tqis l-interessi tal-vittma.  

    F’dan il-każ, il-vittma mhux il-Ministru, iżda ċ-ċittadin li hemm min jaħseb, għaliex hekk jaqbillu, li għandu jkollu drittijiet anqas mill-ġurnalisti li jaqdu lilu.

    Kemm hi stmata r-rieda tal-poplu?

    Wieħed mill-prinċipji ta’ demokrazija hi li r-rieda tal-poplu hi finali minkejja li din tkun xi tkun.  Meta din ir-rieda tkun taqbel mal-ideat dominanti, kollox sew.  Iżda meta din tmur kontra dawn l-ideat, nibdew inġibu l-iskużi biex ir-rieda tal-poplu titwarrab.

    Bħalissa hemm attentat biex ir-rieda tal-poplu Ingliż dwar Brexit tiġi mwarrba.  Din mhux l-ewwel darba li ġara dan fl-Ewropa min-nies li dejjem jitkellmu dwar il-valuri Ewropej.  Hekk kien ġara żmien ilu meta fl-2008 l-Irlanda kienet ivvutat kontra t-trattat ta’ Lisbona.  Dan ma kienx aċċettabbli għall-UE u għalhekk wara li kienet saret kampanja ħarxa u pressjoni, kif ittendew li l-opinjoni tan-nies bdiet tixxaqleb reġgħu għamlu referendum ieħor li ġab ir-riżultat mixtieq.  La nkiseb dan ir-riżultat, ma kien hemm l-ebda interess biex jaraw jekk l-opinjoni reġgħetx inbidlet!  La kien jaqbel mal-ideat dominanti, ħafna drabi tal-lemin, kollox sew 

    Issa hemm minn  qed jipprova li dan jerġa’ jiġri fir-Renju Unit dwar ir-Referendum dwar Brexit.  Fosthom hemm Blair li f’dawn il-ġranet qal li jirrispetta r-rieda tal-poplu biss peress li din ir-rieda ma kinitx infurmata allura hemm bżonn li l-poplu Ingliż jerġa’ jaħsibha!  Fi kliem ieħor tort ta’ min ma għamilx kampanja tajba kontra Brexit u għalhekk tajjeb jerġa’ jsir.  Dan biex ma ngħidux li l-poplu hu injurant.

    Għalkemm nemmen li r-riperkussjonijiet ta’ Brexit mhux ser ikunu sbieħ għall-ħadd, xorta nemmen li għandna nirrispettaw ir-rieda tal-poplu.  Biss dan mhux biss hu prinċipju tad-demokrazjia, iżda regola li nużawha kullimkien speċjalment fl-isport.  Immaġinaw li Malta tilgħab l-logħba futbol mal-Ġermanja u Malta tirbaħ din il-logħba.  X’kont tgħid li kieku l-Ġermanja ma taċċettax dan ir-riżultat għaliex tgħid li l-plejers tagħha ħarġitilhom logħba ħażina u għalhekk iridu li din il-logħba terġa’ tintlagħab!  Ma nafx min ikun lest li jaċċetta din id-deċiżjoni.  Biss ħaġa tal-iskantament, fil-politika naċċettawha basta din tkun favur l-ideat dominanti.

    Riċentament kellna l-elezzjoni Amerikana u s-sistema, minkejja li xi kultant tmur kontra r-rieda tal-poplu, ħadd ma jrid li jirranġaha.  Naħseb li kulħadd jaċċetta li jekk ikollok sistema li tippremja lil min iġib l-inqas voti, din is-sistema jkun hemm bżonn tinbidel.  Biss la din is-sistema taħdem favur dawk li għandhom l-istess ideat bħal dawk dominanti, allura kollox sew, minkejja li t-tellief ġab mat-tliet miljun aktar voti minn dak li rebaħ.

    Dan l-aħħar dan ġara anki Malta meta l-Qorti Kostituzzjonali tat żewġ siġġijiet lill-Partit Nazzjonalista u b’hekk kissret il-prinċipju li konna daħħalna li l-maġġoranza tal-gvern permezz ta’ deputati fil-Parlament għandha tirrifletti r-rieda tal-poplu.

    Jekk verament irridu li n-nies jemmnu fid-demokrazija għax din tagħti importanza tar-rieda tal-poplu, hi x’hini, ma nistgħux nibqgħu nużawha biss meta jaqblilna.

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0