VULNERABBLI

  • Mar 06, 2017 14:45
  • Miktub minn Alfred Sant

    VULNERABBLI

    Uħud donnhom bdew jifhmu li għalkemm l-ekonomija tagħna qed iddur ġmielu, u ilha hekk, hi vulnerabbli. Ħafna mir-ritmu tat-tkabbir jiddependi mis-servizzi finanzjarji, li magħhom trid tgħaqqad is-servizzi tal-imħatri bl-internet. Hemm ukoll it-turiżmu li qed jirrombla qatigħ.

    Imma t-tnejn, l-aktar is-servizzi finanzjarji, malajr jistgħu mill-bnazzi jaqilbu għal maltemp għax l-azjendi barranin li huma attivi fihom, ftit għandhom riżorsi finanzjarji u materjali “maqbuda” f’Malta. Mil-lum għal għada jew kważi, jistgħu jiddeċiedu li jitilqu x’imkien ieħor jekk iċ-ċirkostanzi jidhrulhom favorevoli għal hekk.

    Terġa’, kif ħafna issa qed jifhmu, il-klima politika fl-Ewropa bil-mod qed tinbidel biex tħares bil-qares lejn ekonomiji bħal tagħna li jħaddmu liġijiet li jagħtu nifs lis-servizzi finanzjarji. Kemm ilna membri fl-Unjoni Ewropea, dawn is-servizzi fostna komplew ifuru, prinċipalment għax l-Unjoni ma kellhiex politika Ewropea dwarhom. Issa pass wara l-ieħor, riesqa biex iddaħħal dil-politika.

    U x’se nagħmlu jekk is-servizzi finanzjarji jibdew telqin it-triq tal-biedja u s-sajd, biex ma nsemmux it-tarznari?

     FIL-BOGĦOD MHUX DAQSTANT 

     Xi kultant nistagħġeb kif dwar pensjonijiet u riforma fit-tmexxija tagħhom ftit li xejn għadna nisimgħu. Issa jekk hemm żmien fejn beda jagħmel sens li dir-riforma tqum għad-diskussjoni hu issa.

    Komplew jgħaddu s-snin li matulhom il-problema ta’ popolazzjoni Maltija dejjem tixjieħ affermat ruħha. Nafu aħjar kif qed jiżdied is-sehem tan-nisa fid-dinja tax-xogħol. Nafu wkoll kif immigranti ħaddiema u impjegati qed jindehsu fis-soċjetà lokali. 

    Aktar minn hekk, ir-rata tat-tkabbir ekonomiku hi tajba ħafna u mistennija tkompli b’dal-pass għal aktar żmien. Hu f’mumenti hekk li jagħmel sens li l-kwistjoni ta’ riforma fil-pensjonijiet titqajjem. 

    Is-soluzzjonijiet bħalissa jinħassu ħafna anqas qarsa milli kieku kellhom jitwettqu meta l-qagħda tkun waħda delikata.

    NENU

    Nenu Buhagiar kien wieħed mill-aktar irġiel ġentili li qatt iltqajt magħhom. Kellu ħafna esperjenzi ta’ imrar imma ma ħallihomx idakkruh bil-qrusa. Bil-maqlub.

    Dejjem kont nafu bħala attivist Laburista, minn dawk li jaħdmu bla qies għadilli dwarhom ma nisimgħu xejn. Xorta waħda kien wieħed mill-protagonisti tal-attiviżmu Laburista favur il-ħelsien, il-libertà tal-kelma u tal-ħsieb, il-ġustizzja soċjali. Wara l-ġrajjiet tat-28 ta’ April 1958, mar il-ħabs għal dak li għamel. Mhux talli ma ddispjaċihx b’li ġralu... għalkemm kien ifisser dwejjaq dwar x’seta’ ġara b’li għamel... talli aktar issoda fil-linja politika li kienet tiegħu.

    Nies bħalu tlaqqmu t-teologi tal-boiler suit, jew is-suldati tal-azzar. Nippreferi niftakar lil ħabibi Nenu... li miet dil-ġimgħa ta’ età kbira... u lil sħabu, bħala l-Maltin li tassew żammew mal-ideal ta’ Malta ħielsa, moderna u fiduċjuża. Stinkaw bla qies u sofrew għalih.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook