FUTUR GĦALL-EWROPA?

  • Mar 07, 2017 08:30
  • Miktub minn Alfred Sant

    FUTUR GĦALL-EWROPA?

    Telaq id-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa. 

     Uħud jgħiduli ewroxettiku, anke jekk x’aktarx li nemmen fl-Ewropa aktar minnhom. L-Ewropa li nemmen fiha jien hi waħda li tikkonserva l-wirt li nbena matul sekli ta’ ħolqien fid-diversità. 

     Ħafna minn dawk li jakkużaw lil min hu bħali b’xettiċiżmu, aktar jaraw lill-Ewropa bħala moda li jridu jsegwu, inkella jispiċċaw bla sostenn għall-preġudizzji tagħhom. L-Ewropa li jħarrfu dwarha, qatt ma kienet teżisti.

    ...Id-dibattitu li jinsab tielaq ma jikkonċernax biss is-sittin anniversarju tal-iffirmar tat-Trattat ta’Ruma – anniversarju li iva, jixraqlu kommemorazzjoni kbira. Id-dibattitu hu mnebbaħ mill-paraliżi ċar tal-magna Ewropea quddiem kriżijiet li messhom kienu prevedibbli.

    Qabel niddiskutu dwar il-futur, fi spirtu ta’ awto-kritika, mhux aħjar tinżamm diskussjoni dwar l-imgħoddi li wassal għall-kriżijiet tal-lum? X’sar li ma messux sar? 

     Jew mhux dik hi l-problema? Mela x’inhi?

    IL-ĠENNA MITLUFA

    Forsi aktar minn ħafna oħrajn, naf xinhuma l-pressjonijiet u l-urġenzi li jinqalgħu quddiem Oppożizzjoni fid-demokrazija parlamentari tagħna. Jinħass sentiment ta’ qawwa għax l-Oppożizzjoni jkollha warajha l-appoġġ ta’ parti sostanzjali mill-poplu. Hemm ir-realtà li l-aqwa għodda politika tal-Oppożizzjoni hi l-ħila li tikkonvinċi biżżejjed eletturi li ma kinux jagħtuha appoġġ, biex jivvotawlha fl-elezzjoni li jmiss.

    Sakemm jasal dak il-waqt, l-Oppożizzjoni trid iżżomm lis-sostenituri tagħha mobilizzati. Tagħmel hekk billi tattakka bl-aħrax lill-gvern tal-ġurnata. Xorta trid iżżomm f’ċerti limiti – ta’ rispett uman u ta’ rispett lejn l-integrità tal-istat.

    Jidhirli li l-Oppożizzjoni attwali resqet qrib li taqbeż dal-limitu, jekk mhux diġà qabżitu. Ċertament qed tagħmel hekk fil-mezzi tagħha ta’ kumnikazzjoni, bħal fl-editorjali tan-“Nazzjon” (ara dak tal-Ġimgħa 3 ta’ Marzu). 

    Dan mhux xi attakk fuq il-libertà tal-kelma: jekk il-PN irid jibqa’ jsostni dat-tip ta’ lingwaġġ, ikompli. Biss, il-ħdura fl-espressjoni politika se tispiċċa tirrifletti l-aktar, l-uġigħ li għadu qawwi ta’ min iħossu eżiljat mill-ġenna għax tneħħa mill-gvern.

    FIL-QOSOR

    Il-midja moderna, speċjalment dik soċjali, tirrombla b’messaġġi ta’ aħbarijiet jew kummenti qosra ħafna. 

    Fil-qosor tagħhom, jagħmlu impatt qawwi.

    Jagħtu l-impressjoni li bi ftit kliem, ħallew problemi kbar jew żvelaw abbużi enormi. Diffikultà hi li fil-qosor stess tagħhom ikunu għawġu jew ħawdu l-fatti u aktar ħolqu konfużjoni milli ċċaraw l-affarijiet.

      Forsi għal xi strateġiji ta’ ħidma politika dan jagħmel sens. Biss meta tiġi biex titwettaq il-ħidma, jinħolqu impedimenti li mhux faċli taħrabhom.

    L-appoġġ miksub bil-messaġġi fil-qosor malajr jibda jixxaqqaq.

    Wieħed ikollu jistaqsi jekk xi ħaġa hekk hijiex tiġri fl-Istit Uniti lill-amministrazzjoni tal-President Trump. Jekk iva, dan ma jidhirx li mewwet il-ħerqa ta’ Trump biex jikkomunika ħsibijietu “fil-qosor”. 

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook