EKONOMIJI PARALLELI

  • Mar 09, 2017 08:30
  • Miktub minn Alfred Sant

    EKONOMIJI PARALLELI

    Ħabib tiegħi qalli: Qed nagħmlu żball nitkellmu dwar l-ekonomija Maltija qisha kienet entità waħda. Fil-fatt mhijiex; tikkonsisti f’numru ta’ sistemi kważi indipendenti minn xulxin, li qed joħolqu jew iġibu l-flus fil-pajjiż, ġieli b’meżżi li l-istatistika li naraw ma tistax tkopri. L-importanza li ħadu s-servizzi finanzjarji fl-aħħar kwart ta’ seklu kompliet tirranka dan il-fenomenu. 

    U beda jsemmi: Barra mill-ekonomija tal-manifattura, tal-bini, tat-turiżmu “uffiċjali” u tal-bejgħ fil-ħwienet, għandna l-ekonomija imsejsa fuq il-flus li suppost jitħallsu f’VAT u mhumiex; il-fondi li ġejjin mil-Libja; il-fondi minn turiżmu moħbi li ma jgħaddix minn lukandi reġistrati; il-fondi minn droga u minn ħasil ta’ flus; u għandna l-ekonomija tat-tpartit. 

    Skont hu, hi l-eżistenza ta’ dawn l-ekonomiji paralleli li ġieli jwasslu biex partijiet mill-istatistika uffiċjali ma jkunux koerenti ma’ xulxin. U forsi jaħtu wkoll għall-fatt li ċerti tendenzi ekonomiċi f’pajjiżna, bħar-rata ta’ inflazzjoni, ta’ spiss ikunu kontra t-tendenzi f ’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.

    KUMMISSJONI MAQSUMA?

    Il-White Paper dwar il-futur tal-Ewropa li ħarġet il-Kummissjoni Ewropea, kif preżentata mill-President tagħha Jean Claude Juncker lill-Parlament Ewropew, laqqtet ħafna kritika. Fiha, l-Kummissjoni qalet li tixtieq diskussjoni miftuħa fuq ħames xenarji dwar il-futur biex imbagħad minn hemm l-Unjoni Ewropea tagħżel liema triq ’il quddiem tippreferi.

    Il-kritika kienet li l-Kummissjoni mhi qed turi l-ebda sens ta’ leadership bil- preżentazzjoni tagħha, għax messha wasslet l-analiżi tagħha sal-aħħar u ħarġet bi proposti konkreti. Juncker kien laqa’ minn qabel għal dil-kritika billi qal li kieku l-Kummissjoni għamlet hekk, kienet tiġi kkritikata li mill-ġdid qed tfittex li timponi minn Brussell is-soluzzjonijiet tagħha fuq l-Unjoni.

    Imma forsi l-aqwa raġuni għaliex il-White Paper ħadet il-forma li ħadet kienet għax il-membri tal-Kummissjoni nfushom huma maqsuma bejniethom dwar xinhi l-aħjar triq. Mhix ħaġa ċara li fl-għażla personali tiegħu, Juncker kien se jkollu warajh lill-maġġoranza tal-membri.

    MAĦFUŻ

    Ma kontx naf li fil-produzzjoni letterarja folta tiegħu, Naguib Maħfuż, forsi l-aqwa rumanzier tal-Eġittu, kiteb erba’ rumanzi dwar l-Eġittu ta’ żmien il-Fargħuni. Tlieta ppubblikahom għall-bidu tal-karriera tiegħu, ir-raba’ wieħed lejn l-aħħar.

    Qrajt l-ewwel minnhom, miġjub għall-Ingliż bit-titolu L-Għerf ta’ Kufu. Dwar tifel li għadu kemm twieled, it-tbassira ssir li se jilħaq għat-tronn tal-Fargħuni. Allura r-re Kufu jfittex li joqtlu. Imma ma jirnexxilux. 

     Insegwu kif it-tbassir iseħħ, kif it-tarbija tikber u ssir kmandant militari mill-aqwa, sakemm fl-aħħar ikun Kufu nnifsu li jgħaddilu t-tronn tiegħu.

    Il-kitba hi mexxejja, ċara, iżżommok interessat. Ir-rumanz mhux kapolavur imma juri kif il-maestrija ta’ Maħfuż kienet qed tissawwar 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook