Brexit Blues

  • Mar 13, 2017 08:50
  • Miktub minn Alfred Sant

    Dax-xahar tiskatta t-talba Ingliża biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

    Għaddew ix-xhur mir-referendum li nżamm fil-Gran Brittanja. Sal-lum ftit li xejn hemm x’juri kif għad jispiċċaw in-negozjati. Wieħed kien jistenna li dan se jiġri sal-aħħar fil-oqsma tekniċi ta’ kif jitqassmu l-piżijiet u l-bidliet fl-obbligi finanzjarji u kummerċjali li se jirriżultaw mid-divorzju.

    Li kont qed nistenna li se jiġri u ma ġarax, kien xi forma ta’ dibattitu politiku dwar il-binarji tar-relazzjonijiet bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin. Il-battibekk fl-ajru dwar Brexit “aħrax” u Brexit “artab” ma seta’ jwassal imkien.

    Il-periklu xinhu? In-negozjati se jidħlu f’diskussjonijiet diffiċli tekniċi fin-nuqqas ta’ viżjoni politika dwar il-futur.

    ***

    X’GĦANDNA NAGĦMLU?

    Qamet dilemma kbira għal min jinsab bħali fil-Parlament Ewropew wara li ħareġ fil-beraħ l-iskandlu tal-allegat ħasil ta’ flus mill-PN, bi ksur lampanti tal-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti.

    Għandu jsir kif sar mill-PN innifsu, u f’kull opportunitá li tinqala’ fil-laqgħat tal-Parlament Ewropew, wieħed iqajjem dan l-iskandlu? Hemm numru ta’ mudelli li wieħed jista’ jsegwi waqt li jagħmel dan. 

    Il-mudell ta’ kif ġie ttrattat Toni Abela, b’kampanja minn taħt u kollha ħdura.

    Il-mudell ta’ kif ġie trattat Leo Brincat, b’attakki fil-miftuħ u minn taħt.

    Jew il-mudell ta’ kif rappreżentanti tal-PN ġabu ruħhom fil-kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-iskandlu tal-karti tal-Panama.

    It-tliet mudelli huma effettivi ħafna biex juru lill-PN u fuq kollox il-mexxej tiegħu, bħala nieqsa mill-integritá u l-onestá. Id-deputati Ewropej se jemmnu dil-ħaġa minnufih.

    Ħalliha l-problema li mal-PN u l-mexxej tiegħu, se titqagħbar ukoll il-fama tal-pajjiż. Imma la t-tnejn li huma qatt ma qisuha dil-ħaġa bħala problema...?

    ***

    ŻMIEN IR-RUMANI

    Kieku għadna fi żmien il-qedem, tar-Rumani pereżempju, il-waqa’ tat-Tieqa fil-blat tad-Dwejra kienet titqies bħala ġrajja li tħabbar avvenimenti kbar fil-qarib. Kienu jsiru sagrifiċċji fit-tempji – minn żaqq annimali maqtula, jinħarġu l-imsaren – skont il-lewn u l-kondizzjoni tagħhom, jitbassru l-ġrajjiet futuri. Se jkunu għat-tajjeb? għall-ħażin?

    Tgħid il-fatt li struttura ta’ ġebel li ilha hemm is-sekli ikkollassat issa taħt id-daqqiet tal-mewġ, tfisser li parti jew oħra mill-ekonomija jew mis-soċjetá se tiġġarraf? Jew tfisser li preġudizzji u xkiel kbar li ilhom jipparalizzaw il-progress f’pajjiżna fl-aħħar se jiġu żarmati?

    Forsi biex nevitaw din l-inċertezza, li jista’ jsir hu li nibnu replika tat-tieqa fil-blat, tal-istess daqs bħall-oriġinal. Min se jinduna bid-differenza? 

     Il-problema hi li domna daqstant anke biex insewwu t-tritoni tal-funtana tal-Belt. Kif se jirnexxilna nibnu tieqa ġdida fid-Dwejra, qabel ma tkun intfiet għal kollox fostna kull memorja tal-“qadima”?

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0