Bla Limitu! - xi tfisser?

  • Mar 21, 2017 14:39
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

     

    Nemmen li jekk nistaqsi elf ruħ biex jgħiduli xi tfisser il-frażi ‘Bla Limitu’ ikolli elf tweġiba l-istess – li l-ebda numru ma jorbot.  Jekk qed noffrilek xi ħaġa bla limitu jfisser li int tista’ titlobni kemm trid.

    Jien ċert ukoll li jekk naqbad elf dizzjunarju ser jagħtuni l-istess tweġiba bħal ma jagħtuni dawk l-elf ruħ li staqsejt.

    Biss meta niġu għat-telekommunikazzjoni jidher li kollox jinqaleb.  Dan għaliex dawn iħossu li meta kumpanija toffrilek servizz ‘Bla Limitu’, dan ma jfissirx li tista’ tuża dan is-servizz kemm trid.  Dawn jgħidu li hemm limitu – dak li jgħidulu normal usage jew użu normali.  Biss ħadd ma jaf kemm hu dan.  Allura, dan jiġi kif ifettillu l-operatur.  

    Dan ħareġ meta wieħed mill-operaturi lokali xi snin ilu ppubblika reklam fil-medja li qed joffri servizz tal-użu tat-telefon bla limitu għal ċertu prezz.   Biss dan ma kienx minnu għaliex bħal ma ktibt kien hemm limitu li kien moħbi.  L-Awtorita’ tal-Konsumaturi kienet ħadet passi u mmultat lil dan l-operatur.  Dan l-operatur ħa l-każ quddiem il-qorti li tiddeċiedi dwar dan il-qasam.  

    Il-xahar li għadda kien hemm deċiżjoni u din il-qorti ddeċidiet li ‘Bla Limitu’ veru tfisser bla limitu.  Il-qorti qalet li meta toffri servizz bla limitu ma tistax tagħmel limitu.  Id-deċiżjoni kkwotat deċiżjoni li kienet ħarġet mill-Filippini li jekk jien noffri servizz bla limitu anki jekk din tkun informazzjoni (data), hu l-istess kunċett ta’ meta xi ħadd joffri buffet – persuna li tiekol aktar min-normal, ma tistax twaqqafha milli tieħu aktar ikel għax hi kielet aktar minn ħaddieħor.  

    Fl-opinjoni tiegħi deċiżjoni tajba li waslet ukoll f’ħin tajjeb għal Jum il-Konsumaturi. 

    Jum il-Konsumaturi

    Din is-sena l-għaqda dinjija tal-konsumaturi – l-Consumers’ International – għażlet it-tema –Dinja Diġitali li l-Konsumaturi jistgħu Jafdaw.  

    Nemmen li kulħadd jaqbel li d-dinja diġitali biddlitilna ħajjitna.  Illum id-dinja diġitali daħlet kullimkien.  Illum kważi ma tista’ tmiss imkien mingħajr ma tmiss ukoll mad-dinja diġitali.  Mhux talli hekk, talli għada ser naraw trasformazzjoni akbar u dak li konna naqraw fil-kotba tas-science fiction ser narawh realta’ għaliex fi ftit żmien ieħor ser naraw ir-robots fid-djar tagħna.

    S’issa l-aktar li din id-dinja laqtet lin-nies kienet fi tlett oqsma – it-telekommunikazzjonijiet speċjalment l-użu tat-telefon, il-faċilita’ li ssib informazzjoni f’kull ħin u minn kullimkien u li tista’ tixtri xi trid, minfejn trid, fi x’ħin trid u mingħand minn trid.

    Ftit konna nimmaġinaw li permezz tal-telefon tkun tista’ tikkomunika ma’ min trid u minfejn trid.  Biss bil-mobile illum mhux talli hekk tista’ tagħmel, iżda tista’ tieħu r-ritratti, tixtri, tħallas, tara t-television u elf ħaġa oħra.  Illum jidher li n-nies aktar isibuha komda li jikkomunikaw b’dan il-mezz milli bil-mezzi li konna nużaw qabel.  Dan tista’ tarah meta tidħol f’xi restaurant u tara familja li ħadd ma jħares lejn ħadd u kulħadd moħħu fuq il-mobile tiegħu jikkomunika ma’ xi ħadd ieħor.

    Min kien jimmaġina li jasal dak iż-żmien li tista’ tfittex l-informazzjoni li trid b’daqshekk kumdita’.  Qabel, dak li int ma tafx trid tfittxu fuq xi ktieb.  Jekk m’għandekx xi ktieb dwar dak is-suġġett trid tistenna li l-librerija tkun miftuha biex int issib dik l-informazzjoni.  Illum iftaħ il-computer jew il-mobile u tista’ tfittex kull informazzjoni.

    L-istess ħadd ma kien jimmaġina li jkun daqshekk faċli li tixtri prodott jew servizz minfejn trid mill-kumdita’ ta’ darek mingħajr ma tiltaqa’ ma min qed ibiegħlek fi x’ħin trid.  

    Din hi r-realta’ tal-ħajja tal-lum.  Biss hemm aspett ieħor ta’ din il-ħajja li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar hemm ammont akbar ta’ nies li qed jarawh u qed idejjaqhom u qed iwassalhom biex ma jafdawx din id-dinja diġitali li għandha daqshekk potenzjal.

    Jekk nieħdu l-ewwel aspett, dak tal-komunikazzjoni sew bit-telefonija u sew permezz ta’ ittri elettroniċi (emails) insibu li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed nittendu kemm il-privatezza tagħna qed tiġi miksura.  In-nies illum qed jittendu li l-kumpaniji li joffru dawn is-servizzi, jiġbru ammont kbir ta’ informazzjoni dwar dak l-individwu li jkun qed jagħmel użu minn din it-teknoloġija.  Kull meta ċċempel, mhux biss għandhom informazzjoni lil min ċempilt, iżda jafu wkoll minn fejn ċempilt u jekk iridu jkunu jafu x’għidt ukoll.  Jafu min huma dawk in-nies li taf u jafu wkoll lil min tista’ tkun taf.  Ftit nies jafu x’aktar informazzjoni qed tinġabar, min qed iżomm din l-informazzjoni u lil min qed tiġi mibjugħha.  

    Jekk nieħdu l-informazzjoni li int tfittex,  min qed jipprovdilek dak is-servizz jaf x’qed tfittex.  Dan tarah mal-ewwel għaliex meta ftit wara tidħol f’xi site oħra tara telgħin reklami ta’ dawk l-oġġetti li tkun fittixt dwarhom.  Din il-faċilita’ li ġġib informazzjoni qed toħloq sfida ġdida pożittiva għall-edukazzjoni għaliex illum min qed jitgħallem m’għandux bżonn ikun jaf dik l-informazzjoni bl-amment għax jista’ jsibha meta jrid.  Li jrid jitgħallem, u dan hu aktar importanti, hu li titgħallem tinterpreta dik l-informazzjoni, tanalizza u toħroġ xi ħaġa minnha.  

    L-aspett tax-xiri bil-mezzi diġitali joħloq sfidi oħra bħal x’inhuma d-drittijiet tal-konsumaturi f’dan it-tip ta’ xiri.  Dan barra l-aspett tal-geo-blocking li jiddiskrimina kontra konsumaturi sempliċiment għaliex ġej minn ċertu pajjiż.  Jekk nieħdu l-aħħar aspett, kull min juża d-dinja diġitali biex jixtri mhux l-ewwel darba li jidħol f’xi site biex jixtri xi oġġett u jsib li ma jistax jixtrih minfuq l-internet għaliex joqgħod Malta.

    Dawn l-aspetti qed idejqu lin-nies u hemm bżonn li jiġu indirizzati mill-awtoritajiet għaliex in-nies qed jaraw li din id-dinja ġdida, li ħadd ma jista’ jaħrab minnha, aktar ma tistax tafdaha.  L-istatistika diġa’ qed turi dan għaliex aktar minn 70% tan-nies li jużaw ħafna din it-teknoloġija mhux qed jafdaw aktar din id-dinja.

    Opportunitajiet li ġabu wkoll sfidi ġodda għaċ-ċittadini kollha.  Dawn huma sfidi li rridu nilqagħhom u naraw kif inħabbtu wiċċna magħhom għax ser inkunu qed niffaċċjawhom ‘l ħin kollu.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0