TERRORIŻMU

  • Mar 23, 2017 07:45
  • Miktub minn Alfred Sant

    TERRORIŻMU

    Hekk kif id-Daex qed tiġi bil-mod il-mod marsusa u fgata fl-aqwa żoni li kienet tikkontrolla fis-Sirja u fl-Iraq, wieħed jistenna li t-terroriżmu fl-Ewropa jirranka. L-Iżlam radikali kellu u għad għandu “vantaġġ” terribbli fuq movimenti terroristi li ġew qablu: provista mhux żgħira, li baqgħet tiġġedded, ta’ persuni li lesti jagħmluha ta’ kamikaże.

    Ma jidhirx li din il-provista nixfet fl-aħħar xhur. Se tqum il-mistoqsija allura --  jew diġá qamet -- fost id-Daex ta’ kif l-aħjar jistgħu jużaw dar-riżors biex joħolqu l-akbar ħsara. (Anki l-użu ta’ dawn it-termini juri sa liema livell ta’ barbarija niżel it-terroriżmu fi żmienna.)

    Minn din il-perspettiva, l-attakki li saru f’Pariġi, Nizza, Brussell, Berlin u Ankara kienu “produttivi” ħafna. It-terroristi żgur jarawha bħala ħaġa ta’ prioritá li jirrepetuhom.

    Għalhekk fil-qasam tas-sigurtá Ewropea, l-għan ewlieni għandu jkun mhux politika komuni militari ta’ difiża, imma sforz kollettiv u qawwi minn kulħadd għat-tisħiħ tas-sigurtá interna fl-Ewropa.

    L-ELEZZJONI FL-OLANDA

    Il-populiżmu mhux vera tilef fl-Olanda. Jekk il-partit ta’ Wilders ma rnexxilux iżid il-voti bil-qawwa li kien imbassar, irnexxielu jkompli jċaqlaq id-diskors politiku nazzjonali lejn it-temi tiegħu. M’hemmx dubju li dawn it-temi se jirromblaw aktar fiż-żmien li ġej.

    Sadattant, kienu s-soċjaldemokratiċi/laburisti li qalgħu l-aqwa taptipa. Tilfu l-voti bil-kbir. Dawk li jappoġġjawhom ma setgħux jifhmu kif il-partit tagħhom serva ta’ forċina għal politika ta’ awsteritá. Fil-fatt il-ministru Laburista tal-finanzi Dijesselbloem hu wkoll (sa issa) il-kap tal-ewrogrupp, il-kumitat ta’ ministri tal-finanzi taż-żona tal-ewro. Mhux darba jew tnejn, smajtu jitkellem bil-lingwaġġ tal-ministru Ġermaniż tal-finanzi Schauble.

    Il-pajjiżi li huma maqbudin fid-dixxiplina finanzjarja taż-żona ewro m’għandhomx alternattiva: iridu jpoġġu l-piżijiet meħtieġa biex isostnu l-kompetittivitá l-aktar fuq in-nies tax-xogħol u l-pensjonanti. Naturalment, dawn se jgħidu ajma.

    DEPUTATI FULL-TIME

    Reġgħet bdiet tissemma l-proposta ta’ deputati full-time f’Malta. B’hekk, qed jintqal, jiġi evitat ir-riskju ta’ konflitt ta’ interess bejn ir-rwol ta’ deputat, u l-pożizzjoni li jieħu/tieħu fid-dinja tax-xogħol għall-qliegħ tal-għajxien.

    Ma nafx kemm il-proposta msemmija tassew se telimina konflitti ta’ interess. Żgur iżda li jekk se tiddaħħal, trid tiddaħħal b’galbu, serjetá u realiżmu. Pereżempju, trid tipprovdi biex deputati li jitilfu s-siġġu tagħhom, jingħataw għal tliet snin ngħidu aħna, appoġġ finanzjarju sakemm isibu impjieg ieħor, waqt li timpedihom milli jieħdu xogħol relatat mal-materji li jkunu segwew bħala parlamentari. 

    Dan ifisser żieda sostanzjali fil-fondi li jridu jinħarġu għall-parlamentari. Ħaġa hekk tista’ tiġġustifikaha biss jekk jitnaqqas sew l-għadd ta’ deputati. Niddubita kemm il-partiti se jkunu lesti li jiffaċċjaw din il-ħtieġa. 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook