Dmugħ tal-kukkudrill

  • Mar 27, 2017 08:20
  • Miktub minn Alfred Sant

    Ixxerred ħafna dmugħ tal-kukkudrill dwar l-abbozz ta’ liġi fuq il-midja. 

    Minn ilu, dehret ħaġa ċara kif il-liġi kellha bżonn ta’ aġġornament, speċjalment  minħabba l-wasla u l-firxa llum tal-midja soċjali. Mhux f’Malta biss, imma f’pajjiżi oħra Ewropej, qed tkun ħaġa diffiċli li jinstab bilanċ bejn ħelsien u abbuż fil-mod kif tissettja regoli li jkunu ġusti u demokratiċi. Biex tasal għal xi bilanċ aċċettabbli, trid tippubblika abbozzi, tisma’ l-kritika kontrihom, tara liema hi l-kritika s-serja, liema hi l-pwerili, toħroġ bi proposti ġodda, u tkompli hekk sakemm titlaq f’direzzjoni xierqa.

    Li nsib interessanti f’dal-proċess hu kif nies li niftakarhom jibqgħu xipli u prudenti f’li jgħidu dwar kwistjonijiet simili fi żmien gvern Nazzjonalista, illum jitilqu lsienhom kontra li qed jipprova jwettaq gvern Laburista. Imbagħad fl-istess ħin, l-istess nies... jew sħabhom tal-istess pezza, joħorġu jilmentaw dwar it-tendenzi dittatorjali tal-gvern preżenti. 

    Hawn ukoll, tirrenja l-ipokresija.

    ***

    L-EWROPEJ TAS-SUD

    Fid-dibattitu li nfetaħ dwar il-futur tal-Ewropa, is-sud għandu interessi vitali li jeħtieġlu jiddefendi bil-qawwa. 

    Hu minnu li maġġoranza tal-popli tas-sud jidhru li baqgħu jappoġġjaw id-deċiżjonijiet li ttieħdu matul is-snin għal għaqda dejjem akbar fl-Unjoni Ewropea, fuq quddiem nett fiż-żona tal-ewro. Dan minkejja li fis-sud, il-miżuri ta’ awsterità li ddaħħlu, ħalqu diffikultajiet kbar.

    Biss resqin – jew filfatt, diġà ninsabu – f’qagħda fejn b’ħafna mill-proposti li qed isiru għall-iżvilupp tal-Ewropa, is-sud se jitpoġġa fi żvantaġġ permanenti.

    Ma tridx tkun għaref jew eroj biex issostni li l-Ewropej tas-sud jaqblilhom jilqgħu għal dil-ħaġa.

    ***

    TERRORIŻMU...

    Ħadd mhu qed jiddubita li l-ġrajjiet ta’ terroriżmu se jibqgħu magħna fis-snin li ġejjin, jekk ukoll ma jiħraxux. L-aħħar attentat ta’ Londra (jew l-aħħar wieħed sa kemm qed nikteb din) mill-ġdid wera kif it-terroriżmu issa reġa’ bidel il-metodu tiegħu u sar “artiġjanali”.

    Mhux qed ikun anqas effettiv fl-impatt tiegħu, forsi bil-kontra. B’anqas mezzi, b’anqas ippjanar u tħejjija minn qabel, qed jirnexxielu jikseb riżultati importanti, żgur fl-opinjoni publika. 

    Ir-risposta għal dan tista tkun: ċaħħad lit-terroriżmu “artiġjanali” mill-aċċess għall-midja. Ippreżentah bħala l-operat ta’ xi ħadd li ġġennen.

    Problema f’hekk hi li tispiċċa xxerred aħbarijiet foloz. Ma nafx kemm dan jagħmel sens f’demokrazija, anki biex tikkombatti t-terroriżmu. Forsi agħar: sa minn qabel iwettqu l-ħidma “artiġjanali” tagħhom, l-attakkanti malajr isibu kif iwasslu l-messaġġ ta’ li jridu jagħmlu.

    Jasal il-messaġġ tagħhom xorta waħda u l-mezzi ta’ kumnikazzjoni uffiċjali jiġu sfiduċjati. Il-publiku jibda jafdahom ħafna anqas. Meta l-awtoritajiet ikollhom bżonnu biex jgħinuh dwar xi każ ta’ terroriżmu, lill-publiku ma jsibuhx.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook