Kisbiet u Sfidi

  • Apr 01, 2017 17:17
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

     

    Kisbiet

    Issa ilna 13-il sena fl-UE u tajjeb nagħtu ħarsa lejn ċerti kisbiet u anki l-isfidi li hemm għall- futur fil-qasam tal-konsumaturi.  F’dan l-artiklu ser insemmi l-kisbiet u fl-artiklu tal-ġimgħa d-dieħla niffoka fuq l-isfidi.  Nemmen li ċerti affarijiet konna nilħquhom waħedna mingħajr il-bżonn li nidħlu fl-UE.  Jekk inħarsu lejn il-bażi tal-liġijiet tal-konsumaturi nsibu li dawn daħħalnihom aħna fid-90ijiet wara biss 10 snin li tista’ tgħid li daħlet il-kelma konsumatur fil-lingwa tagħna. Kienu liġijiet li għadhom tajba sal-lum.

    Biss ċerti affarijiet żgur li qatt ma konna niksbuhom.  Insemmi biss żewġ eżempji li ġraw dan l-aħħar.  L-ewwel kellna l-ftehim li r-roaming charges li ntaħaq fil-bidu tal-Presidenza Maltija li ser iniżżel drastikament din is-sena.  Dan żgur qatt ma konna nistgħu nilħquh waħedna għalkemm kien l-isforz tal-Gvern Malti li dan inkiseb.  Jekk nieħdu l-prezz  normali ta’ telefonata lokali fuq il-mobile nsibu li din tilħaq 25c il-minuta.  Bil-ftehim il-ġdid meta nċemplu minn Pajjiż Membru ieħor ir-rata preżenti li hi ta’ 22c il-minuta ser tinżel għal madwar 3c kull minuta.  Dan juri li żgur li waħedna ftehim bħal dan qatt ma stajna nilħquh.  Dan hu ftehim li ser iġib titjib reali fil-ħajja ta’ ħafna konsumauri.

    Eżempju ieħor hu l-Insolvency Fund għal meta kumpanija li toffri package tours tfalli.  Jien żgur li kieku ma kienx hemm Direttiva li titlob dan, kien ikun diffiċli ħafna li, wara aktar minn 10 snin li għaddiet il-liġi fil-Parlament u ma sar xejn, nipperswadu lill-Gvern biex iwaqqaf dan il-Fund jew li konsumaturi li ngidmu meta falliet il-Fantasy Tours jieħdu kumpens minkejja li ma kienx għadu mwaqqaf dan il-fond.  Ir-raġuni hi waħda ovvja – il-lobby tal-industrija tal-hospitality f’Malta hi qawwija ħafna minħabba l-kontribuzzjoni li t-turiżmu għandu fl-ekonomija Maltija.  Kienet biss is-saħħa tad-Direttiva li tatna bażi legali għal dan. 

    Irridu ngħidu kollox.  Kien hemm affarijiet li lilna laqtuna ħażin.  Problema kbira li niffaċċjaw u li narawha l-ħin kollu permezz tal-ilmenti li nirċievu hi li operatur tat-telekommunikazzjoni jista’ jibdel ir-rati li jkunu f’kutratt ma’ konsumatur basta jagħtih ċans li fi żmien xahar jekk irid jinħall mill-kuntratt.  Filwaqt li, minħabba l-kompetizzjoni li teżisti f’dan il-qasam f’pajjiżi oħra, din il-klawsola kienet ta’ ġid, f’pajjiż żgħir bħal tagħna fejn in-numru ta’ operaturi hu żgħir ħafna s-soluzzjoni li tinħall mill-kuntratt mhix soluzzjoni għax il-konsumatur isib ruħu minn ġot-taġen għal ġon-nar.  

    Biss personalment inħoss li l-akbar kisba li ħadna meta dħalna fl-UE kienet il-qabża tal-istennija tal-konsumaturi Maltin.  L-ewwel qabża kienet li llum sew il-konsumaturi u sew in-negozjanti jafu li tal-ewwel għandhom ċerti drittijiet f’dan il-qasam. Jafu li jekk dawn id-drittijiet ma jistgħux jitwaddbu taħt it-tapit. 

    It-tieni hi l-istennija li konsumatur jingħata servizz tajjeb meta jixtri xi oġġett jew servizz.  Din l-istennija ġabet magħha titjib in ġenerali minħabba li l-konsumaturi jafu li għandhom drittijiet u llum aktar minn qatt qabel iriduhom.  Ma jfissirx li wasalna. Biss għamilna passi tajba.

    It-tielet stennija għadha ma waslitx – il-ħolma ta’ Suq Wieħed fejn il-konsumaturi jistgħu jixtru bl-aħjar prezzijiet mill-pajjiżi kollha fl-Ewropa b’moħħhom mistrieħ li hu faċli li jassiguraw id-drittijiet li hemm fil-liġijiet.  Aktar ‘il fuq semmejna l-prezz sfaċċat ta’ 25c kull minuta ta’ telefonata meta ċċempel minn Malta għal Malta.  Li kieku dan is-Suq Wieħed qed jaħdem, konsumaturi Maltin jistgħu jabbonaw ma’ kumpanija barranija u jiffrankaw xkora flus kull sena.

    Biss sfortunatament is-Suq Wieħed għadu ħolma għax il-business ikun fuq ta’ quddiem biex jitkellem fuq kompetizzjoni ħielsa iżda mbagħad il-ħin kollu jara kif jagħmel barrieri bejn suq u ieħor biex ma jħallix kompetizzjoni.  Dan iwassalni għall-isfidi li rridu niffaċċjaw u li ser nikteb dwarhom id-darba li ġejja.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook