Svizzera fl-Atlantiku

  • Apr 03, 2017 08:24
  • Miktub minn Sr Alfred Sant

    Fl-aħħar wasalna fiż-żmien meta l-Brexit se jiġi negozjat. Id-diskussjonijiet se jkunu komplessi u nibża’ diffiċli. Min-naħa tal-Ewropej (minkejja kull ma jgħidu) hemm sens ta’ rabja u tpattija; min-naħa tal-Brittaniċi (minkejja kull ma jgħidu) sens ta’ sfida u arroganza.

    Iż-żewġ sentimenti huma żbaljati u perikolużi. Il-poplu Brittaniku ħa deċiżjoni politika f’referendum li kull min ivvota kien jaf xi jfisser. Jien wieħed minn dawk li ma jemmnux fis-siwi tal-għodda tar-referendum, imma l-ebda forza politika fir-Renju Unit ma kkontestatu. Mela d-deċiżjoni li ttieħdet permezz tiegħu hi waħda li demokratikament, torbot. U suppost li aħna l-Ewropej nemmnu fid-demokrazija.

    Li jrid isir issa hu li f’rispett tad-deċiżjoni tal-poplu Brittaniku, u fl-aħjar interess tal-popli Ewropej kontinentali, jinżammu b’mod ċivili, ġust u trasparenti, in-negozjati dwar id-divorzju u x’se jiġri wara li jkun seħħ.

    Nifhem mill-informazzjoni li ħarġet sa issa xi jrid ir-Renju Unit: li jkun Svizzera fl-Atlantiku. Se naraw f’li ġej, jekk dak li kien possibbli sa għoxrin sena/għaxar snin ilu, għadux possibbli llum.

    ***

    Servizzi Finanzjarji

    Operaturi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji f’Malta għadhom mhumiex jifhmu sew kif il-klima politika fl-Ewropa qed iddur kontra l-mod kif żviluppa sa issa dal-qasam.

    Hemm żewġ fatturi li se jkomplu jirromblaw: l-ewwel, il-ħsieb li s-servizzi finanzjarji qed jintużaw għal ħidma ma taqta’ xejn biex nies tal-flus u kumpaniji kbar, jevitaw li jħallsu t-taxxi dovuti minnhom; u t-tieni, li s-sistema ta’ tassazzjoni f’pajjiżi differenti (inkluża Malta) qed tintuża biex issir kompetizzjoni inġusta fl-attrazzjoni ta’ investimenti u fondi.

    Għal dan kollu, it-tweġiba għandha tkun favur trasparenza sħiħa.  Imma aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar l-argument qed ixaqleb lil hinn minn hekk. It-trasparenza qed tinbidel f’sejħa biex l-istruttura ta’ taxxi f’kull pajjiż tal-Ewropa tieħu l-istess sura. Miżura bħal din toħloq problemi għal ekonomiji taċ-ċokon ta’ Malta, aktar profondi minn dawk li se jkun qed jiffaċċja l-qasam tas-servizzi finanzjarji.

    ***

    Kunflitti ta' interess

    Hu minnu li f’pajjiżna għadu fjakk is-sentiment li rridu nħarsu t-tmexxija publika mill-konflitti ta’ interess. Kif naraha jien, dawn il-konflitti – reali jew potenzjali – għadhom jiżgħudu d-deċiżjonijiet li jittieħdu, tkun liema tkun l-amministrazzjoni, u in parti minħabba l-istess ċokon ta’ Malta. 

    Imma toqgħod tinnota: hawn biss teżisti din l-inkuranza lejn konflitti ta’ dat-tip?

    Ejja nieħdu l-Parlament Ewropew. In-negozjatur magħżul tal-Parlament għall-Brexit hu Guy Verhofstadt, il-mexxej tal-grupp liberali, eks Prim Ministru tal-Belġju. Dan għandu numru ta’ konsulenzi mħallsa ma’ sorsi privati li ma jiddikjarax liem huma. Tagħmel sens dil-ħaġa? Dażgur li le.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook