Karità u Mħabba

  • Apr 05, 2017 12:31
  • Miktub minn Charles Miceli

    Għalija karità tfisser imħabba u mħabba tfisser karità. Forsi nemmen hekk għax issa b’mod jew ieħor ili midħla tal-Caritas għal aktar minn kwart ta’ seklu. 

    Imma għal ħafna nies karità tfisser biss li tagħti xi ħaga miż-żejjed li għandek.

    Speċi ta’ għandi żewġt qliezet li m’għadhomx jiġuni u nara lil min se nagħtihom. 

    Wara kollox, kif jgħid il-qawl Ingliż, “beggars can’t be choosers”. U ssib min jgħidlek, għandhom xorti ddubbaw ftit ħwejjeg, xi jridu aktar? 

    Veru, kif spiss nisimgħu, li kull qatra tgħodd. Imma jekk ma norbtux il-karità, fis-sens li nagħtu milli għandna, mal-imħabba ma nemminx li nkunu qed nagixxu veru ta’ nsara.

    Min huma l-insara?

    Għax xi jfisser tkun nisrani? Sempliċiment li tmur il-knisja nhar ta’ Ħadd u li tqerr u titqarben darba fis-sena għall-għid il-Kbir? 

    Ma ninsewx li anke l-Fariżej kienu jobdu l-kmandamenti tar-reliġjon tagħhom. Anzi kienu jobduhom bil-punt u l-virgola.

    L-insara, għallinqas għalija, huma n-nies li jafu jħobbu. U fuq kollox iħobbu lill-proxxmu tagħhom bħalhom infushom. 

    Għax kif qal xi ħadd, tista’ tħobb lil Alla li ma tarahx jekk ma tħobbx lil ħuk li tarah kuljum? 

    U meta nitkellem dwar hija, hawnhekk, qed nitkellem dwar il-bqija tal-bnedmin. Dawk li għandi grazzja magħhom u dawk li għal xi raġuni jew oħra ma narax għajn m’għajn magħhom. 

    Għax aħna lkoll aħwa.

    Skużi nsib kemm trid imma...

    U huwa minn dan li rridu ningħarfu. Mill-għemejjel tagħna viż-a-viż il-bqija tal-komunità. Skużi biex ma nwettaqx id-dover tiegħi li nħobb lill-proxxmu nista’ nsib kemm irid. 

    Dak għax l-għawg gabu b’idejh. L-ieħor għax għandu lsienu twil. L-oħra għax għandha biex tagħmel difrejha mbagħad m’għandhiex biex titma’ lil uliedha. U dawk għax fiż-żminijiet li kienu għaddejjin sewwa qatt ma ħasbu biex ifaddlu xi ħaga għal meta jigu bżonn.

    U nista’ nibqa’ sejjer. L-immigrant għax ħadd ma qallu biex jitlaq minn pajjiżu u jiġi hawn. 

    Ir-refuġjat għax missu baqa’ f’artu jiġġieled kontra l-għadu. 

    Il-pensjonanta li bilfors ma twassalx bil-pensjoni mbagħad xorta tmur tilgħab it-tombla. 

    Il-Musulmani għax se jibilgħuna.

    M’iniex ngħid li l-insara huma kollha foloz. Li m’għandhomx qalb li tagħder u tħoss. Veru hawn min jaqa’ fit-tentazzjoni li jwebbes qalbu għal ħtiġiet ta’ ħaddiehor, imma mhux kulħadd. 

    Anzi. Ir-realta’, anke f’pajjizna turi mod ieħor. 

    Biżżejjed insemmi n-numru ta’ religjuzi u lajċi li juru mħabbithom lejn il-fqar u l-vulnerabbli. 

    Mhux se nsemmi l-Caritas fejn isir xogħol ma’ kull tip ta’ nies li għaddejjin minn diffikultajiet bħal użura u logħob tal-azzard, problemi b’sustanzi illegali u diffikultajiet oħra mentali, emozzjonali u finanzjarji. 

    Lista impressjonanti

    Insemmi d-Dar tal-Providenza, id-Djar tat-Tfal, il-Kummissjoni Emigranti, il-Laboratorju tal-Paċi, il-Jesuit Refugee Service, is-St. Jeanne Antide Foundation, is-Segretarjat Assistenza Soċjali, il-Millennium Chapel, il-Paolo Freire Institute, Dar Merħba Bik, Dar Qalb ta’ Ġesù, Il-Fondazzjoni Suret il-Bniedem, Dar Osanna Pia u Dar Frate Jacoba. 

    Lista impressjonanti. U jiddipjaċini jekk ħallejt lil xi ħadd barra. Ma’ dawn imbagħad trid iżżid in-numru ta’ parroċċi fejn fis-skiet kuljum tintwera mħabba bla qies ma’ kull min iħabbat il-bieb tal-kappillan jew imur fis-sagristija biex jiftaħ qalbu ma’ xi ħadd u jara jsibx id ta’ ħbiberija.

    Biex inkun għidt kollox. Dawk li jikkritikaw lill-Knisja fuq ir-rikezzi u l-murtali jista’ jkollhom raġun. Imma rridu nħarsu lejn in-naħa l-oħra tal-munita. 

    Il-knisja li taħdem mal-għeruq. Il-knisja li titma’ lil min hu bil-ġuħ, iżur il-ħabsin u tilqa’ lill-barrani. 

    U tagħmel dan b’imħabba u b’idejha miftuħin.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook