12 FIL-MIJA

  • Apr 06, 2017 08:01
  • Miktub minn Alfred Sant

    12 FIL-MIJA

    Kienet interessanti ħafna l-istqarrija tal-Ministru Manwel Mallia li l-kontribut lill-ekonomija tas-settur tal-imħatri bl-internet issa qed ilaħħaq mat-tnax fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku. 

    Wieħed jieħu gost li s-settur qed joħloq daqstant ħidma, b’impatt pożittiv fuq l-andament ekonomiku tal-pajjiż kollu. Dan qed jikser bħalissa kull rekord għal kemm żmien nista’ niftakar jien.

    Madankollu, jaqbel li nżommu saqajna mal-art. Il-qasam li qed insemmu hu wieħed li jista jkun problematiku. Iqajjem ġelożiji u riżervi. 

    Se jkun hemm pajjiżi li bħal fir-rigward tas-servizzi finanzjarji, se jkollhom interess jaraw kif jagħlqu l-vitien li qed joħolqu l-opportunitajiet. Fuq ċerti punti jista’ jkun li għandhom raġun. X’aktarx li jużaw is-saħħa tagħhom biex jieħdu r-raġun tagħhom fuq il-punti kollha.

     

    ***

    L-ECONOMIC SURVEY

    L-informazzjoni dwar kemm hu kbir is-settur tal-imħatri bl-internet tikkonferma kemm l-istruttura tal-ekonomija tagħna nbidlet bil-kbir fl-aħħar għoxrin sena. Jekk ma’ dan il-qasam iddaħħal is-servizzi finanzjarji, tasal għall-konklużjoni li bejniethom iż-żewġ setturi jammontaw għal aktar minn terz tal-ekonomija Maltija.

    Issa, fi żmien il-budget, il-Ministru tal-Finanzi joħroġ rassenja li titkellem dwar żviluppi minn sena għal sena fl-ekonomija Maltija. B’mod stramb, dan id-dokument għadu mfassal fuq il-mudell li kien inħadem fis-snin sebgħin għal tmenin tas-seklu l-ieħor. Jiġifieri jittratta l-industrija, il-biedja, u t-turiżmu. Imma dwar is-servizzi finanzjarji u servizzi oħra, ftit li xejn jgħid. Anzi l-informazzjoni dwarhom “tinħeba” fi statistika li tidher f’setturi oħra. 

    Ili ngħidha, imma illum il-biċċa qed issir aktar u aktar lampanti. Dan il-mod kif qed tintwera l-ekonomija tagħna f’dokument li hu ċentrali fil-preżentazzjoni ekonomika tal-gvern mhux jagħmel sens.

    ***

     

     

    RAPPORTAĠĠ POLITIKU

    Ta’ spiss iqumu kummenti fostna dwar ir-rapportaġġi partiġġjani li jidhru fil-midja Maltija. Jiġbdu wisq lejn il-linja tal-partit jew it-tendenza politika li l-ġurnal jappoġġja tant li anke l-fatti li jippreżentaw jispiċċaw kondizzjonati minn dan l-appoġġ.

    Indunajt li l-istess ħaġa tgħodd anke f’pajjiż bħal Franza, fejn bħalissa għaddejja kampanja elettorali għal min se jilħaq President; u fost ġurnali mitqiesa bħala l-aqwa li hemm – Le Monde u Le Figaro. Tal-ewwel b’mod ġenerali jappoġġja x-xellug, tat-tieni l-lemin. 

     Ġara li kemm ix-xellug u kemm il-lemin sejrin ħażin. 

     Allura, fl-ewwel paġna ta’ Le Monde qed jidhru stejjer dwar kif il-lemin taħt Francois Fillon mhux ħlief jiltaqa’ ma’ indifferenza u suspetti mill-elettorat u mill-klassi politika. Waqt li f’Le Figaro, l-istejjer ewlenin fl-ewwel paġna jikkonċentraw fuq id-diżgwid li tinsab fih il-kampanja tal-kandidat soċjalista Benoit Hamon u l-mod kif diriġenti soċjalisti qed jabbandunawh.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook