Għawdex: Kunsill reġjonali

  • Apr 10, 2017 08:15
  • Miktub minn Dr Alfred Sant

    Qatt ma rajtha ħaġa siewja li toqgħod tħammem fuq x’sar fl-imgħoddi u kif id-dinja terġa’ ddur lura lejn dak li messu sar qabel. Biss jiġu drabi meta ma tkunx tista’ żżomm milli taħseb kif l-affarijiet jispiċċaw jirrepetu ruħhom; kif dak li qed jiġi propost illum, seta’ sar ħafna qabel.

    Hekk ġrali jien u naqra dwar proposti “ġodda” biex Għawdex jingħata tmexxija reġjonali. Din trid tippermetti lill-Għawdxin jirregolaw l-iżvilupp tal-gżira tagħhom; tassigura li l-poteri eżekuttivi tal-gvern nazzjonali jibqgħu effettivi f’Għawdex; issostni l-istruttura ta’ “ministeru” għal Għawdex; u tippromwovi l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-ħidma reġjonali.

    Bejn l-1996 u l-1998, ma’ oħrajn, tajt ħafna ħsieb dwar dan il-proġett. Konna wassalnieh, wara konsultazzjoni wiesgħa, sa abbozz ta’ liġi għal Kunsill Reġjonali. Ħafna mill-ideat li daħlu f’dak l-abbozz qed jerġgħu jittellgħu llum. Kollha għadhom validi, anki jekk donnhom intesew u reġgħu “nstabu” mill-ġdid.

    ***

    Spejjeż tax-xogħol 

    Skont l-Eurostat, l-ispiża tax-xogħol (“labour cost”) f’Malta fl-aħħar sentejn mkejla bis-siegħa, inkluża magħha l-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali, baqgħet ma żdiditx fl-2015 u l-2016. Dan hu punt li ilu jinteressani u naħseb diġà semmejtu qabel f’dan il-blogg.

    Kif qed jirnexxielha l-ekonomija Maltija żżomm ċassa l-ispiża tax-xogħol fis-siegħa? Diffiċli tifhem kif qed jiġri hekk meta ekonomiji li sejrin ħafna agħar mill-ekonomija Maltija qed jaraw żieda, ġieli sostanzjali, fl-ispiża tax-xogħol. Per eżempju l-Greċja, fejn l-ekonomija għadha moribonda, ż-żieda kienet ta’ 0.8 fil-mija bejn l-2105 u l-2016. Fi Franza, fejn l-ekonomija għadha batuta, seħħet żieda ta’ 1.5 fil-mija.

    L-unika spjega li nista’ nara bħala raġonevoli, hi li minkejja li l-qgħad kważi xxejjen fostna, dan qed jiġri wkoll minħabba l-prekarjat fid-dinja tax-xogħol u minħabba l-użu ta’ ħaddiema immigranti li qed jitħallsu pagi baxxi.

    ***

    Ecofin f'Malta

    Fil-weekend li għadda l-Ecofin, il-kunsill tal-ministri tal-finanzi, kellu jiltaqa’ “informalment” f’Malta. Il-ġurnal “Le Soir” ippubblika storja dwar rapport imħejji mill-presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea fuq l-impatt li qed ikollhom ir-regolamenti ġodda fl-Unjoni Ewropea dwar it-tmexxija tas-sistema tat-taxxi.

    Uħud mill-membri tal-Parlament Ewropew ħadu skandlu. J’alla jekk ma kitbux ittra ta’ protesta lill-Ministru Malti tal-finanzi. Il-ħsieb tagħhom kien li Malta qed tara kif tfixkel il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa. Kienu mgħaddba.

    Iddobbajt kopja tar-rapport li tpoġġa għad-diskussjoni. Ma rajtlu xejn tal-babaw fih. Imma jista’ li qed inkun suġġettiv??

    Ir-rapport jiddiskuti kif numru ta’ bidliet ta’ malajr jinsabu deħlin waħda wara l-oħra fir-regolamentazzjoni Ewropea dwar taxxi. Dan jista’ joħloq inċertezzi u jxekkel proġetti ta’ investiment. 

    Sibtu punt validu ħafna.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook