L-isfidi fl-UE

  • Apr 10, 2017 16:25
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Il-ġimgħa li għaddiet semmejt il-kisbiet u llum ser insemmi l-isfidi li għandna bħala konsumaturi.  Nemmen li Suq Wieħed ikun ta’ benefiċċju kbir għall-konsumaturi Maltin minħabba li s-suq tagħna hu wieħed żgħir u għalhekk l-għażla għall-konsumaturi Maltin hi limitata u l-prezzijiet li jkollna nħallsu huma ogħla minn dawk li nsibu fi swieq akbar.  

    Ix-xiri bl-internet diġa’ kellu effett pożittiv fuq il-kompetizzjoni f’Malta għax in-negozjanti jafu li llum il-kompetizzjoni mhux ġejja biss min-negozjanti oħra f’Malta, iżda wkoll min-negozjanti kbar f’pajjiżi oħra.

    Biss mhux kollox hu ward u żagħar – għaliex minkejja li hemm regolamenti biex neliminaw il-geoblocking, dan għadu hemm sfaċċatament.  Dan insibuh meta kumpanija barranija jkollha xi ħwienet Malta fejn f’dawn il-ħwienet l-għażla hi ħafna limitata u l-prezzijiet huma għala.  B’hekk din il-ħolma ta’ Suq Wieħed qed tiġ limitata ħafna f’pajjiżna.

    Dan iġibni għal waħda mill-akbar sfidi li l-konsumaturi jiffaċċjaw – in-nuqqas ta’ infurzar tar-regolamenti.  Din mhix problema biss f’Malta, iżda tidher li hi kważi fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.  F’pajjiż bħal tagħna li hu żgħir u fejn allura l-kompetizzjoni hi limitata, in-nuqqas ta’ infurzar għandu impatt kbir.  

    L-ewwel effett tan-nuqqas tal-infurzar hu li l-benefiċċju ta’ regolamenti ma jseħħux.  Eżempju hi d-Direttiva dwar Kredtu għall-Konsumaturi – Consumer Credit.  Wieħed mill-akbar benefiċċji ta’ din id-Direttiva hi l-APR – l-Annual Percentage Rate of charge.  Ir-raġuni hi li l-APR tagħti stampa ċara ta’ kemm ser jiswik verament meta tissellef u b’hekk tkun tista’ tqabbel il-prezzijiet ta’ min qed joffrilek kredtu.  Mhux talli l-APR ma tidher imkien f’Malta, talli l-probabilita’ hi li tgħodd in-nies li jafu x’inhi l-APR fuq id waħda.  Fi żmien fejn l-ekonomija hi vivaċi ħafna, is-self għandu importanza kbira u għalhekk sew il-konsumaturi u sew in-negozjanti huma nċaħħda minn dan il-benefiċċju minħabba nuqqas ta’ infurzar.

    L-istess id-Direttiva dwar il-unit pricing.   Kif qed tiġi applikata Malta, din tapplika biss għall-15% tan-negozji.  L-implikazzjoni hi 40% tal-lokalitajiet f’Malta m’għandhomx ħanut wieħed li hu obbligat li juri l-unit pricing barra l-prezz normali.  Biex insemmi kemm hu importanti l-unit pricing inġib eżempju.  Mort nixtri bott kunserva u fuq il-bott kien hemm immarkat li jekk nixtri tlieta neħodhom bi €2.33.  Biss il-prezz ta’ wieħed hu ta’ 75c.  Għajni għokritni meta rajt it-33 ċentezmu fil-prezz u kkalkulajt kemm jiġi kull bott jekk nieħu din l-offerta.  Sibt li kull bott bl-offerta jiġi aktar minn 77 centezmu meta jekk nixtrihom wieħed wieħed jiġuni aktar minn 6 ċentezmi inqas.  Li kieku kelli l-unit pricing kont inkun nista’ nara dan id-daħk fil-wiċċ mal-ewwel.  In-nuqqas ta’ infurzar f’dan il-qasam il-konsumaturi qed jiġu mċaħħda milli jkunu jistgħu jqabblu l-prezzijiet b’mod faċli.

    In-nuqqas ta’ infurzar għandu impatt dirett kif in-nies iħarsu lejn l-effettivita’ tal-Unjoni Ewropea.  F’Malta dan l-impatt kien akbar għax id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kien ġie impinġi li b’daqqa ta’ pinna l-problemi li kellna, anki f’dan il-qasam, ser jisparixxu mil-lejl għan-nhar.  Sfortunatament insejna l-qawl Malti li l-ewwel trid tgħin lilek innifsek biex Alla jgħinek u ħafna nies stennew u għadhom jistennew il-manna taqa’ mill-UE.

    Biss in-nuqqas ta’ effettivita’ ħareġ ċar ħafna fil-każ tal-VW fejn fl-Istati Uniti minħabba l-effettivita’ tal-awtoritajiet il-konsumaturi ħadu kumpens waqt li l-konsumaturi Ewropej s’issa baqgħu b’xiber imnieħer.  Dan għaliex l-awtoritajiet nazzjonali li suppost għandhom id-dmir li jiddefendu d-drittijiet tal-konsumaturi baqgħu rieqda.

    Kien għalhekk nifs frisk li dan l-aħħar il-Kummissjoni permezz tal-Consumer Protection Cooperation Network qed tipprova tqajjem mir-raqda lil dawn l-awtoritajiet tal-konsumaturi fil-Pajjiżi Membri u jingħaqdu biex jieħdu azzjoni fuq kwistjonijiet Ewropej li jolqtu l-konsumaturi.  Nittama li dan l-isforz iħalli l-frott mixtieq.

    L-aħħar sfida li nixtieq insemmi hu l-eżerċizzju msejjaħ REFIT fejn Direttivi u regolamenti qed jerġgħu jiġu mgħarbla biex ikun hemm anqas impatt fuq l-SMEs.  Filwaqt li aħna favur li tonqos il-burokrazija u piżijiet, irridu noqogħdu attenti fuq l-impatt fuq pajjiżi żgħar bħal Malta fejn il-maggoranza kbira tan-negozji huma SMEs.  Jekk mat-tnaqqis tal-burokrazija jonqsu r-responsabbiltajiet tal-SMEs lejn il-konsumaturi, f’pajjiżi żgħar dan ikun ifisser li l-konsumaturi Maltin ikunu tilfu drittijiet.

    Bħal ma semmejt l-isfidi huma kbar iżda jien nemmen li bi sforz komuni ma’ għaqdiet oħra tal-konsumaturi Ewropej nistgħu nassiguraw futur aktar sigur li l-isfidi naqilbuhom f’opportunitajiet u f’titjib fil-ħajja tal-konsumaturi Ewropej.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook