ĠIMGĦA L-KBIRA

  • Apr 13, 2017 08:06
  • Miktub minn Alfred Sant

    Kif kienet ħaġa ta’ min jistenniha, dak li kellu jiġri, ġara. F’pajjiżna wkoll il-forzi moderni tal-konsumiżmu, tas-sekulariżmu u ta’ ma nafx kemm iżmi aktar, se jibqgħu jinfiltraw fl-identità Maltija. Il-parteċipazzjoni fil-ħajja reliġjuża fuq linji tradizzjonali baqgħet tonqos, jiena ngħid bħala konsegwenza inevitabbli tal-iżmi li għadni kemm semmejt.

    Biss, meta tiġi l-Ġimgħa l-Kbira, il-parteċipazzjoni tan-nies fil-purċissjonijiet reliġjużi għalkemm forsi inqas milli kienet 30 sena ilu, għadha qawwija sew.

    Mhux hekk biss. Għad hemm ħafna nies, inklużi żgħażagħ, li meta jasal daż-żmien tas-sena, josservaw prattiċi reliġjużi li jinjoraw għal kollox matul ix-xhur l-oħra. Min jaf għaliex u kif.

    Meta lil uħud minnhom nistaqsihom dwar hekk, bilkemm donnhom jifhmu l-mistoqsija. Tidhrilhom bħala ħaġa naturali li jagħmlu hekk. Għad-Duluri u ġimgħa wara il-ħedoniżmu u l-indifferenza bħal jintesew. Jew forsi qed nimmaġina jien li jiġri hekk?

    ***

    DWAR IL-PRESIDENZA

    Ħadt gost meta deputati fil-Parlament Ewropew ġew isemmuli kif huma impressjonati – u kif iltaqgħu ma’ oħrajn li ħassew bħalhom – bil-mod kif tinsab għaddejja l-Presidenza Maltija. Ma nemminx li għamlu dan b’xi sens ta’ pulitezza jew kortesija. Is-suġġett qajmuh huma, bla l-anqas biss għaddietli minn moħħi nistaqsihom dwar hekk.

    Il-kliem ta’ tifħir kien għal kważi l-livelli kollha tat-tmexxija u l-amministrazzjoni li kellhom x’jaqsmu magħhom. Minn kif tkellmu, naħseb li ma stennewx li n-naħa Maltija kien se jirnexxielha tlaħħaq mal-biċċa li daħlet għaliha. Li ssorprendew ruħhom għax ġara bil-maqlub, jagħti lok għal sens akbar ta’ sodisfazzjon. (Biex kollox ikun intqal, punt ta’ kritika kien dwar arranġamenti li ġieli saru għall-alloġġ tad-delegazzjonijiet li jaslu f’Malta għal-laqgħat.)

    Se jkun importanti li għat-tieni nofs tal-Presidenza, jinżamm il-konċentrament meħtieġ biex il-ħidmiet li jqumu, jibqgħu jitmexxew bil-galbu.

    ***

    TERRORIŻMU

    Il-lista baqgħet titwal... Ankara... Londra... San Petersburg... Stockholm... il-Kajr u Lixandra... It-terroriżmu “artiġjanali” (fis-sens li jitwettaq minn ftit nies li m’għandhomx bżonn tħejjija u organizzazzjoni kbira minn qabel) baqa’ jinxtered u jeqred il-ħajja ta’ nies innoċenti.

    L-aħħar ġrajjiet fl-Eġittu kienu atroċi. Barra l-imwiet li seħħew, l-attakk kien maħsub biex ikabbar il-mibegħda reliġjuża fi ħdan dak il-pajjiż kbir li għadu jqanqal l-interess u s-simpatija tad-dinja Għarbija kollha. 

     Diffiċli tifhem kif imħuħ magħġuna skont tagħlim reliġjuż, hu x’inhu dat-tagħlim, jaslu biex jemmnu li hemm xi kisba għall-bnedmin li jdawruhom f’terroriżmu hekk, għama u nieqes minn kull skruplu.

    Imma dawn l-imħuħ jeżistu. Ma tibqax alternattiva ħlief li l-ħarsien minnhom u s-sigurtà kontrihom jeħtieġ jitmexxew b’id tal-ħadid u r-riżorsi ta’ gwerra totali.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0