Enerġija li tiġġedded

  • Apr 17, 2017 09:41
  • Miktub minn Dr Alfred Sant

    Bħala pajjiż ninsabu lura fuq il-miri li ssettjawlna jew li ssettjajna dwar x’persentaġġ tal-enerġija li nużaw trid tkun ġejja minn sorsi ta’ enerġija li tiġġedded. Sa issa, l-aktar (jekk  mhux l-uniku) sors li jagħmel sens għalina hu dak tar-raġġi tax-xemx, fejn it-teknoloġiji tal-fotovoltajċi u mezzi oħra simili bdew jagħtu riżultati tajba.

    Individwi u kumpaniji tħeġġu biex joħolqu enerġija b’dal-mod u ż-żejjed tagħhom jgħadduh lid-distribuzzjoni nazzjonali tal-elettriku, mmexxija mill-Enemalta.

     Allura, stagħġibt meta qaluli li jekk individwi jew kumpaniji jipproponu proġett li bih idaħħlu fid-distribuzzjoni tal-elettriku, volum sostanzjali ta’ enerġija solari, ikollhom iħallsu tariffi għolja ħafna biex jgħaddquhom mad-distribuzzjoni. Dawn jiġu ogħla anki proporzjonalment, minn meta jdaħħlu fix-xibka tad-distribuzzjoni volum baxx.

    Ma nistax nifhem ir-raġuni għal dil-ħaġa. Forsi sar fl-interess finanzjarju tal-Enemalta li trażżan il-ġenerazzjoni tal-enerġija solari mill-privat? Jekk iva, dan jikkontradixxi l-miri nazzjonali ssettjati sas-sena 2020 dwar l-użu ta’ enerġija li tiġġedded. Hemm multi mhux żgħar li jridu jitħallsu jekk il-miri ma jintlaħqux.

    ***

    ĊEDOLI TA’ SELF “IMGĦOTTIJA”

    Bħalissa ninsab involut ma’ oħrajn fit-tħejjija ta’ rapport għall-Parlament Ewropew dwar regoli Ewropej ġodda li jipprovdu qafas mal-Unjoni Ewropea kollha għall-ħruġ u mmaniġġjar ta’ ċedoli ta’ self “imgħottija” (“covered bonds”). F’Malta ma nużawhomx, imma huma strument finanzjarju importanti f’numru ta’ pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea (mhux kollha).

    Iċ-ċedoli ta’ self li jinħarġu jkollhom bħala garanzija għalihom biss b’mod esklussiv, fond magħmul minn ftehimiet ta’ self fuq xiri ta’ djar u ċedoli ta’ self maħruġa mill-gvernijiet. Dal-fond ikun akbar mill-ammont ta’ flus li jiġu msellfa. Terġa’, min joħroġ iċ-ċedoli “imgħottija” jpoġġi fuqhom l-garanzija diretta tiegħu. B’hekk, iċ-ċedoli “imgħottija” jitqiesu bħala tassew sodi u żguri. Akkwistaw matul is-snin, preġju kbir, tant li fl-aħħar xhur il-Bank Ċentrali Ewropew, li qed jixtri ħafna self Ewropew privat, spiċċa issa l-istituzzjoni bl-akbar kontroll fuq dawn il-“bonds”.

    Il-mistoqsija tqum: Jekk iċ-ċedoli “imgħottija” kienu daqstant suċċess sa issa, hemm għalfejn ngħabbu fuqhom regolamentazzjoni ġdida Ewropea?

    ***

    BEJN 4

    Meta qed nikteb dan, il-midja kollha qed isostnu li t-tellieqa presidenzjali fi Franza spiċċat għall-ewwel rawnd tal-elezzjoni, waħda bejn erba’ kandidati li kollha għandhom iċ-ċans tagħhom: Marine Le Pen, tal-lemin estrem; Francois Fillon, tal-lemin ċentru; Emanuel Macron, taċ-ċentru; u Jean Luc Melenchon, tax-xellug “estrem”.

    Il-logħba sa issa żviluppat hekk: għall-bidu, l-favoriti biex jgħaddu għat-tieni rawnd kienu Le Pen u Fillon; wara, Le Pen u Macron.

    Tkun “interessanti” kieku l-għażla tal-poplu Franċiż taqa’ fuq Le Pen u Melenchon. 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook