Erdogan

  • Apr 20, 2017 08:00
  • Miktub minn Dr Alfred Sant

    Il-President Erdogan tat-Turkija fl-aħħar ġab ir-riżultat li ilu jistinka għalih: bidla fit-tmexxija ta’ pajjiżu li biha President ikollu kważi l-poteri kollha biex imexxi skont kif iqis l-aħjar. 

    Barra mit-Turkija, l-kritika għal dil-bidla u kif qed titwettaq faret minn kullimkien. Filfatt, l-iskala tar-rebħa referendarja mhix kbira. Iċ-ċentri urbani ewlenin ivvotaw fil-maġġoranza tagħhom kontriha. Ġiet ikkritikata wkoll il-manjiera li biha tmexxiet il-kampanja referendarja, mitqiesa mill-Ewropej bħala mgħobbija kontra dawk li opponew il-bidla. Kif wieħed seta’ jistenna, Erdogan urta ruħu bil-kbir għal dil-kritika. 

    Il-problema naraha li tmur lil hinn minn hekk għat-Turkija. Il-bidliet li se jkunu qed jiddaħħlu huma radikali għall-aħħar.

    Meta moviment politiku jdaħħalhom waqt li jkun fil-fawra ta’ appoġġ enormi għall-programm tiegħu, mod. Meta jdaħħalhom waqt li s-seħer politiku tiegħu qed imajna sew, mod ieħor.

    Fit-Turkija, qed jiżviluppa t-tieni xenarju.

    ***

    DIBATTITU INTERESSANTI

    Kienet kisba kbira għall-gvern Laburista li wassal il-kontijiet finanzjarji tiegħu għall-ewwel darba f’deċennji mhux lejn ħofra, imma biex jispiċċa b’aktar dħul milli ħruġ. Ftit ħafna huma l-pajjiżi Ewropej li rnexxielhom f’hekk.

    L-argument li tressaq dwar kif dan is-“surplus” inkiseb billi l-investimenti trassew u tnaqqsu iqajjem dibattitu interessanti. L-istess kumment isir dwar kif il-ministru Ġermaniż tal-finanzi Schauble fl-aħħar snin akkumula eċċess ta’ għexieren ta’ biljuni fil-finanzi ta’ pajjiżu.

    Ir-regoli finanzjarji taż-żona ewro dwar kontijiet tal-gvern ma jagħmlu l-ebda distinzjoni bejn fondi ta’ investiment u fondi ta’ spiża rikorrenti. Jien wieħed minn dawk li ili nqajjem dal-punt fil-Parlament Ewropew u barra minnu. 

    Is-sistema jmissha tittratta l-fondi tal-investiment differenti mill-fondi li jmorru fuq spiża rikorrenti. Bħalissa, l-gvernijiet għandhom kull inċentiv biex iqisu ir-rikorrenti u l-investimenti bl-istess riga.

    Is-suċċess finanzjarju tal-gvern hu kompletament konformi mar-regoli taż-żona tal-ewro.

    ***

    REPUBBLIKA LAJKA

    Jekk tagħna hi tassew repubblika lajka, fiċ-ċirkostanzi tal-lum tinħass sew il-ħtieġa li nikkonsidraw x’post għandu jkollha – jekk għandu jkollha – ir-reliġjon fit-tagħlim publiku. Il-kostituzzjoni tagħna tiddefinixxi lil pajjiżna bħala wieħed “kattoliku”.

    Minn banda hemm l-esiġenza – jew tidher bħala hekk – biex il-kattoliċeżimu jkollu pożizzjoni privileġġjata. Mill-oħra, tqum il-ħtieġa li ma ssir diskriminazzjoni kontra l-ebda minoranza reliġjuża.

    Biex minn hekk naslu għall-punt li fit-tagħlim publiku, jibda jkun hemm lezzjonijiet fit-twemmin Iżlamiku, jidhirli li hu pass ’il bogħod wisq. Għax bl-istess kejl, tkun trid tipprovdi tagħlim fit-twemmin Luteran, Sikh, buddist u l-bqija.

    L-aħjar triq għad tispiċċa tkun dik li kull tagħlim reliġjuż jitneħħa mill-kurrikulu publiku. Ir-reliġjonijiet differenti jinghataw il-faċilità, anke b’sussidju, biex wara l-ħin, ikunu jistgħu jżommu klassijiet fir-reliġjon tagħhom. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0