L-internet u s-Social Media... Għodda jew Arma?

  • Apr 26, 2017 09:13
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

     

    L-internet u s-social media huma teknoloġija relattivament ġdida.  Biss ħadd ma jista’ jiċħad li llum din it-teknoloġija mhux biss saret parti minn ħajjitna iżda wkoll bidlitilna ħajjitna speċjalment fil-qasam tal-komunikazzjoni.  Illum sirna aktar komdi li ‘nitkellmu’ ma’ xi ħadd permezz tas-social media milli jew niltaqgħu miegħu jew inċemplulu.  

    L-effett ta’ din it-teknoloġija biddlet ukoll il-bilanċ tal-poter għax tat aktar forza l-leħen iċ-ċittadin.  Dan għaliex qabel biex leħen iċ-ċittadin jinstema’ kien isib ħafna tfixkil u ħitan.  Il-mezzi li kienu jintużaw kienu ftit u limitati.  Il-mezzi kienu l-pulptu, il-gazzetti, ir-radju u t-televixin. Biex issemma’ leħnek ir-radju kien l-akbar faċli għax taqbad u ċċempel.  Minkejja dan, xorta dan il-mezz ma kienx tiegħek u kont tiddependi minn ħaddieħor.  Għalhekk xorta kellu restrizzjonijiet.

    L-internet u s-social media huma mezz totalment differenti għaliex iċ-ċittadin għandu kważi kontroll totali fuq dan il-mezz.  Dan barra l-fatt li hu mezz irħis u mhux diffiċli biex tidra tużah.  Dan il-mezz hu hemm għall-użu tiegħek ‘il ħin kollu.

    Imma din il-faċilita’ minħabba l-qawwa tagħha ġabet magħha responsabbilta’ kbira.  Meta tintuża b’mod responsabbli hi għodda tajba u qawwija għaliex tagħti leħen sod, qawwi u li jasal u għalhekk b’użu tajjeb ikabbar id-demokrazija.

    Iżda meta ma jkunx hemm responsabbilta’ din l-għodda ssir arma.  Arma qawwija kontra ċittadini oħra.  Barra l-ħsara soċjali minħabba l-inkwiet li ġġib, hi arma wkoll kontra d-demokrazija għaliex minflok tkabbar id-demokrazija ssir stallet f’dar id-demokrazija.  Dan għaliex id-demokrazija tkun ħalliet li biċċa għodda utli ssir arma qawwija kontra ċittadin onest.

    L-użu u l-abbuz fil-qasam politiku

    F’ambjent fejn il-politika hi daqshekk qawwija, kull mezz ta’ komunikazzjoni jiehu dimensjoni politika.  Il-qasam tal-kummerċ hu qasam li juża l-mezzi ta’ komunikazzjoni bil-qawwi.  Biss xorta ma jlaħħaqx mal-qasam politiku.  Ir-raġuni hi li fil-qasam politiku, il-komunikazzjoni tieħu dimensjoni oħra.  Fil-qasam kummerċjali l-użu hu biex tiproġetta l-prodott tiegħek.  L-abbuż f’dan il-qasam hafna drabi jkun li tonfoħ il-prodott tiegħek iż-żejjed.  Ġeneralment taħbi d-difetti jew nuqqasijiet u l-kundizzjonijiet mhux favorevoli.  Rari ħafna fejn il-komunikazzjoni f’dan il-qasam tintuża biex tmaqdar il-prodott ta’ ħaddieħor.  Il-liġi hawn tobbliga ċerti kundizzjonijiet biex ma jkunx hemm abbużi.

    Imma fil-qasam politiku din il-limitazzjoni ma teżistix.  Hu aċċettabli, għalkemm jien ma naqbilx magħha, li tikkritika, tmaqdar, iżżeblaħ u jekk hemm bżonn tigdeb fuq il-kompetitur tiegħek.  Dan mhux xi żvilupp ġdid għax qabel meta kien isir ukoll biss bl-internet u bis-social media l-impatt hu fenomenali u l-internet u s-social media saret arma qawwija ħafna.  ???

    L-abbużi kienu hemm imma t-teknoloġija antika kellha ċerta limitazzjonijiet.  Per eżempju, jekk jien nikteb xi ħaġa falza fuq xi ħadd fuq xi gazzetta, l-editur kien responsabbli u jista’ jitressaq il-qorti.  Veru li ma kinitx effettiva ħafna iżda l-ebda editur ma kien jieħu gost li jkollu jitla’ l-qorti minħabba n-nuqqs ta’ responsabbilta’ ta’ ħaddieħor.

    Illum dan spiċċa għaliex biex inxandar xi ħaġa m’għandi bżonn ħadd.  Barra minhekk, il-lum, l-attitudni nbidlet.  Fejn qabel meta tattakka lil xi ħadd kont tħoss responsabbilta’ li tiġġustifika b’xi mod dak li tkun qed tgħid, illum din spiċċat.  Mhux hekk, anzi llum nivvinta xi ħaġa fuq xi ħadd u nippretendi li ħaddieħor iġibli l-provi ta’ dak li qed ngħid.  Lanqas dan mhu biżżejjed għaliex ħafna drabi nippretendi li hu l-vittma li jrid jipprova li dak li qlajt jien fuqu jipprova li mhux veru.  

    Fejn qabel il-prinċipju kardinali kien li wieħed hu innoċenti sakemm jinstab ħati, u r-responsabbilta’ biex jinħarġu l-provi kienu fuq min qed jagħmel l-akkuża, illum jien li qed nakkuża m’għandi l-ebda responsabbilta’ u l-vittma hu responsabbli u hu ħati sakemm jipprova li l-qlajja li qlajt fuqu jien mhux vera.  Lanqas jekk ikollok il-mezzi biex tieħu passi biex tiddefendi ismek, is-sistema qegħda kontra tiegħek.  Il-pieni fuq min jaqla’ l-gideb u jitfa’ l-ħmieġ fuq ħaddieħor hi ħmerija filwaqt li l-vittma anki jekk jirnexxielu jieħu raġuni l-qorti, ismu xorta jibqa’ mħammeġ.  

    L-effett fuq is-soċjeta’ in ġenerali

    l-effett hu wieħed qawwi u negattiv ħafna.  Forsi n-nies isibuha diffiċli biex jispjegawlek kif qed taħdem is-sistema fil-qasam politiku, biss xorta jafu l-effett li d-dinja diġitali għandha.  Kulħadd jaf li b’dan il-mezz tant tilħaq nies prattikament mingħajr spejjeż u tant tilħaqhom malajr li l-effett jiżboq bil-kbir il-potenzjal tal-mezzi antiki tal-komunikazzjoni.  Jafu wkoll li s-sistema hi favur min jaqla’ l-ħmieġ.

    Nemmen li għalhekk żdied is-cyber bullying.  U dan ser ikompli jiżdied sakemm is-soċjeta’ ma tieħux azzjoni.  

    U l-vittma?  Dawn jafu l-ħsara li saritilhom qatt u ħadd ma jista’ jħassarha.  Ħafna drabi l-unika triq li hemm għall-vittma hu li jinħbew u jingħalqu fihom infushom iddisprati u jisħtu lis-soċjeta’ u lis-sistema demokratika li tippermetti dan il-qtil ta’ karattri bl-addoċċ qiesu mhu qed jiġri xejn.  

    U int x’tista’ tagħmel biex jirranġaw l-affarijiet?

    Ftit jaħsbu f’din il-mistoqsija għax jemmnu li tant is-sistema hi mfelsa fis-soċjeta’ tagħna u min qed jabbuża tant għandu saħħa li jinfluwenza lil kulħadd li l-individwu jħossu bla saħħa.  Biss nemmen li ċ-ċittadini għandhom sehem importanti.  

    Niftakar żmien ilu meta kienet drawwa li jekk nixtri ċikkulata l-karta nitfagħha mal-art.  Kienet biss l-idea li daħlet li bidlet dan.  Din kienet li minkejja l-effett tiegħu hu żgħir biss xorta hemm qiegħed.  Jekk ma nitfax dik il-karta mal-art, hemm karta nieqsa.  Xorta għad għandna l-ħmieġ biss minn dak iż-żmien għamilna qabża kbira.  U hekk nemmen li jista’ jsir bl-isforz tagħna f’dan il-qasam.

     Veritas

    Dan il-fenomenu mhux xi ħaġa tagħna l-Maltin biss.  Jeffettwa kull pajjiż.  Riċentament fl-Amerka beda moviment biex iċ-ċittadini jwaqqfu dawn l-abbużi tal-kbarat tal-pajjiż.  Ħolqu moviment ġdid VERITAS fejn kull min jikteb fuq is-social medja josserva ċerti prinċipji:

    • Dak li nikteb irid ikun ibbażat fuq fatti u fuq sorsi li jibbażaw dak li jgħidu fuq fatti;
    • Meta nxerred dak li nisma’ fuq is-social media qabel nara li dan hu bbażat fuq fatti;
    • Meta nirċievi xi ħaġa biex inqassam, nistaqsi biex inkun ċert fuq il-fatti u jekk mhux sodisfatt ma nġib xejn.

    Jekk ta’ fuq u dawk li jippretendu li huma bravi farrkulna s-sigurta’ li ngħixu fil-paċi, hemm bżonn li nieħdu r-riegni aħna u nibnu demokrazija fejn iċ-ċittadin mhux il-vittma iżda ċ-ċentru li madwaru għandhom jaħdmu l-istrutturi biex jassigurawli aktar ġid, serħan tal-moħħ u mezz li leħnu u leħen il-verita’ jasal.  Hu b’hekk biss li nistgħu insolvu l-kriżi morali li għandna f’dan il-qasam.  

    Min qed jistenna li l-istrutturi bħal qorti ser tagħmel xi ħaġa biex issolvi il-problema ta’ assissju tal-karattri, joħlom qiegħed.  Din il-problema aħna rridu nsolvuha.

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook