DWAR L-AIR MALTA

  • Apr 27, 2017 09:40
  • Miktub minn Alfred Sant

    DWAR L-AIR MALTA

    Nifhem kif riżoluzzjoni aħħarija tal-qagħda tal-Air Malta tqajjem tensjonijiet li ftit jidhru sbieħ lejliet elezzjoni ġenerali. Nifhem kif strateġija ġdida biex l-Air Malta tinżamm għaddejja u terġa’ titlaq lejn futur aħjar, hi diffiċli, komplikata, trid riżorsi ġodda li mhux lakemm timmuntahom, ħafna sforzi u żmien. 

    Imma naħseb li elezzjoni jew le, ir-rieda biex l-Air Malta tkun salvata akkost ta’ kollox, trid tiġi mistqarra u mwettqa b’mod viżibbli sa minn issa jekk mhux mill-bieraħ. Il-personnel tal-kumpanija jistħoqqlu jkun jaf fejn qiegħed, ħalli jkun jista’ jiddeċiedi jekk iridx ikun parti mill-isforz li hemm bżonn isir, jew jippreferix jitlaq. L-inċertezza mhi tajba għal xejn u għal ħadd – la għall-irkupru ta’ qagħda kompetittiva mill-azjenda, lanqas għall-moral tal-ħaddiema u l-impjegati.

    Mhux biss huma, imma kulħadd... u b’dan nifhem ukoll il-Maltin u l-Għawdxin kollha... irid ikun konvint mill-interess nazzjonali ta’ dil-ħidma. Ma jistax ikun li l-Air Malta titħalla titgerbeb għal ġo sqaq bħal dak fejn għal tal-apposta, gvern Nazzjonalista kien daħħal lit-tarznari. 

    SERVIZZI FINANZJARJI

    L-operaturi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għandhom raġun jinkwetaw dwar il-futur tal-qasam tagħhom. L-aħħar żviluppi (jekk tista’ ssejħilhom hekk) fix-xena politika xejn mhuma jirriflettu tajjeb fuq it-tmexxija tas-settur. Indipendentement minn jekk l-allegazzjonijiet u insinwazzjonijiet li qed isiru humiex minnhom jew le, il-fatt li qed isiru żgur jiġi nnotat minn osservaturi li jinsabu barra t-territorju Malti.

    Diġà l-membri tal-Parlament Ewropew li żaru Malta bħala parti mill-kumitat dwar il-karti tal-Panama xejn ma marru b’opinjoni għolja ta’ kif jitmexxew is-servizzi finanzjarji fostna. U dan lil hinn mill-akkużi partiġġjani u iresponsabbli li bdew jinfetħu quddiemhom minn esponenti tal-PN. Lil hinn ukoll mill-iżvogi primadonneski ta’ xi individwi fost l-istess parlamentari Ewropej. 

    Ma kinux daqstant impressjonati mit-trasparenza u s-serjetà li bihom is-settur jiġi regolat.  

    IS-SOĊJALISTI FRANĊIŻI

    Jiddispjaċini ħafna għas-soċjalisti Franċiżi li jinsabu f’qagħda ta’ kollass politiku. Dejjem kienu solidarji mal-Partit Laburista, anke meta ma qablux mal-linja li konna nieħdu dwar l-Unjoni Ewropea. Illum xieraq li s-soċjalisti Maltin juru solidarjetà lejhom.

    Tinsab trietaq l-alleanza li b’sabar kbir kien bena Francois Mitterrand biex jgħaqqad it-tendenzi kollha tax-xellug madwar partit soċjalista kbir. Il-kompromessi li kellhom isiru matul is-snin (speċjalment l-aħħar ħamsa) mal-forzi neo-liberali, kienu wisq aċidużi. Fuq kollox, ma rnexxilhomx iqanqlu r-rankatura ekonomika u soċjali mistennija minnhom.

    Problema oħra, naħseb jien, hi li l-elettorat tas-soċjalisti wasal għall-konklużjoni li l-mira ewlenija għall-esponenti tal-Partit Soċjalista Franċiż saret l-binja Ewropea, li ngħatat importanza akbar mill-qagħda soċjali tal-klassi tal-ħaddiema f’pajjiżhom stess.  

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook