Elezzjoni

  • Mej 04, 2017 09:15
  • Miktub minn Dr Alfred Sant

    Li ssejjaħ elezzjoni bikrija qatt ma tista’ tkun deċiżjoni faċli. Naf mill-esperjenza. Teħodha għax ma tarax li hemm alternattiva serja. Dan mill-perspettiva l-aktar ta’ xi jkun l-interess nazzjonali, għalkemm trid tikkonsidra wkoll l-interess tal-partit li tkun qed tirrapreżenta.

    Kelli naffaċċja din id-deciżjoni fl-1998. Kont naf bir-riskju kbir li l-biċċa ddawwar il-ġrajja politika f’linja li ma kinitx se tkun waħda li naqbel magħha. Imma ma kienx hemm alternattiva.

    Il-gvern Laburista ta’ dak iż-żmien kellu aġenda ta’ bidla u modernizzar quddiemu, twila u iebsa. Kontra tagħha, bħal-lum, skjeraw ruħhom forzi retrogradi enormi. Aġenda li nfirxet minn riformi fit-tarznari għal bidla fir-relazzjoni mal-Unjoni Ewropea, sal-ħolqien ta’ strutturi ġodda fil-korpi tal-gvern u ġlieda bla nifs kontra l-korruzzjoni.

    Mingħajr maġġoranza stabbli fil-Parlament xejn minn dan ma seta’ jitwettaq bis-sens. Fil-grupp Laburista kien hemm min kien l-aktar interessat filli jsostni poter personali arkajku u okkult. Il-ħidma tal-gvern ma kinitx se tkun kredibbli mingħajr maġġoranza parlamentari fijabbli.

    Għalhekk ma kienx baqa’ alternattiva dakinhar għal elezzjoni bikrija.

    ***

    KORRUZZJONI

    Nistagħġeb kif skont esponenti tal-PN, il-grupp tal-popolari fil-Parlament Ewropew jinsabu inkwetati bl-allegazzjonijiet li qed isiru dwar korruzzjoni f’Malta, l-iċken pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.

    Bħalissa l-midja Spanjoli jinsabu mfawra bi stejjer dwar il-korruzzjoni li baqgħet għaddejja fi ħdan il-Partit Popolari ta’ Spanja taħt it-tmexxija ta’ Mariano Rajoy, Prim Ministru. Dan baqa’ kwiet u mutu, jħalli kollox għaddej. Konċernati fl-iskandli hemm fost l-aqwa diriġenti tal-Partit tiegħu. U l-biċċa ilha għaddejja s-snin.

    Bit-tluq tal-Brittaniċi mill-Unjoni Ewropea, Spanja tiġi t-tielet jew ir-raba’ l-akbar ekonomija fl-Unjoni. Possibbli li l-grupp tal-popolari qed jitqanqal dwar Malta, mingħajr ma jitniffes dwar xinhu għaddej fuq korruzzjoni fi Spanja?

    ***

    PARLAMENTARI EWROPEJ

    Id-diskors kontra l-parlamentari Ewropej u l-ħlasijiet li jieħdu dejjem għaddej. Jien dil-ħaġa dejjem l-anqas li ttikatni. Il-problema għalija dejjem kienet jekk il-parlamentari Ewropej għandhomx, jistgħux ikollhom saħħa politika biżżejjed biex jaffettwaw il-ġrajjiet politiċi fl-Ewropa.

    Illum nikkonferma li kelli raġun bid-dubji tiegħi. Il-Parlament Ewropew jikkostitwixxi forum tajjeb għal diskussjoni u studju, imma mhux għad-deċiżjonijiet dwar il-futur tal-Ewropa. Tiegħu f’hekk, hi funzjoni importanti, imma mhux kruċjali.

    Jibqa’ l-fatt li quddiem l-akkużi li l-parlamentari Ewropej jinsabu mgħobbija bi flus u perkaċċi, irridu noqgħodu attenti li ma jidhirx li qed isiru abbużi bil-ħlasijiet mogħtija. Marine Le Pen tinsab għaddejja inkjesta fuq kif il-partit tagħha u hi użaw l-allowances tal-Parlament.

    Għalhekk inkwetanti l-informazzjoni li ħarġet dwar kif il-PN juża d-deputati parlamentari tiegħu fl-Ewropa biex “jikrilhom” uffiċċji minn fejn imexxu x-xogħol tagħhom.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0