Isteriżmu

  • Mej 08, 2017 11:20
  • Miktub minn Alfred Sant

    Li għaġġibni fl-aħħar ġimgħat kien it-ton isteriku tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Veru kienu qed jagħmlu akkużi gravi kontra l-gvern. Imma aktar u aktar messhom ippreżentawhom b’mod biered, preċiż u ċar.

    Id-diskors li ntuża serva biex jiżvaluta l-messaġġ. Wassal lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex idawwar il-kanuni tiegħu kontra kull min ġie quddiemu u li donnu mhux lest jiżfen iż-żifna tiegħu. Ħafna drabi bl-imġiba tiegħu, lili tani l-impressjoni li qed jagħmel stqarrijiet mingħajr ma kellu f’idu, jew kien miss b’idejh, l-evidenza sħiħa li wasslitu biex joħroġ bl-istqarrijiet li għamel.

    Dan xejn ma jawgura tajjeb għall-iżvilupp politiku futur ta’ pajjiżna. Jiftaħ il-bibien beraħ għall-aħħar vizzji moderni tat-tmexxija statali fid-demokraziji tagħna: l-użu ta’ aħbarijiet foloz imxerrda mill-midja soċjali biex joħolqu kontroversji politiċi fażulli mill-bidu sal-aħħar. Stil isteriku sostnut idaħħal lil min jużah fi sqaq, fejn gideb u nofs veritajiet jitħabblu flimkien biex jimminaw id-demokrazija u kull sens ta’ fair play.

    ***

    EVIDENZA

    Meta xi ħadd jagħmel allegazzjonijiet, hu kruċjali li qabel int tasal għal ħaqq dwarhom, tkun żgur li flejt tajjeb xinhi l-evidenza. Aktar ma tkun serja l-akkuża, aktar l-evidenza trid tkun xierqa. Jiġifieri bbażata fuq fatti li jistgħu jiġu konfermati b’rabtiet tajba li ma jiddependux dejjem mill-istess persuna.

    Fl-aħħar ġimgħat dan kollu ntesa. Ġejna mitmugħa stejjer sensazzjonali mingħajr ma nħass li kienet ħaġa siewja li tinġab evidenza li ssostnihom. 

     Fl-imgħoddi, jien kelli x’naqsam ma’ ħafna każi ta’ skandli u abbużi. Ma niċħadx li fi drabi, għaġġilt biex nakkuża mingħajr ma kelli t-trufijiet u l-provi kollha f’idejja. 

    Imma ma rajtx qabel dan l-aħħar, ġirja daqshekk bla nifs biex jittieħdu bħala s-sewwa magħruf, akkużi tal-aqwa gravità, sempliċement għax kienu qed isiru.

    ***

    JOE CASSAR

    Mhux darba jew tnejn ikkustinjajna fuq politika imma mhux ta’ spiss. Għamilna hekk b’nofs tbissima għax ma stajniex nargumentaw wisq fit-tul; it-tnejn konna nafu li għamilna għażliet differenti fil-politika u mill-bqija ma kienx wisq jimporta. Miegħi, kien jippreferi jitkellem dwar letteratura li kienet tinteressah bla qies; u wkoll fuq tifkiriet taż-żmien li qattajna fil-Liċeo tal-Ħamrun.

    Kien bniedem ġentili, mogħni b’intelliġenza li ma kienx jiddejjaq jaħbi. Naħseb li l-ħajja politika kienet tqagħbru, forsi tnikktu. Ma tantx stagħġibt meta sirt naf li ddeċieda li jitlaqha għal kollox.

    Wara, mhux l-ewwel darba li tkellimna bit-telefown, u għat-tul. Mill-ġdid l-aktar fuq letteratura u r-rabta tagħha mal-ħajja. Bqajt insegwi l-paġna tiegħu fuq kotba f’“In-Nazzjon”, miktuba b’reqqa.

    Inħsadt u sogħobbija ħafna bl-aħbar tal-mewt tiegħu. Nagħti l-kondoljanzi profondi tiegħi lil familtu.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0