WEGĦDI

  • Mej 11, 2017 10:45
  • Miktub minn Alfred Sant

    WEGĦDI

    Interessanti kif kampanja elettorali li faqqgħet mil-lum għal għada, sabet liż-żewġ partiti l-kbar li qed jikkontestawha, lesti bil-wegħdi tagħhom. Nistħajjel li għad nisimgħu aktar minnhom fil-ftit ġimgħat li fadal.

    Li laqatni f’dawn il-wegħdi hu l-aspett ekonomiku-soċjali tagħhom. (Qed neskludi minn dan il-wegħdi tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista dwar governanza u korruzzjoni, li ninsab konvint, kieku tkun fil-gvern, ma tonorax.)

    Bħalissa l-partiti qed iħossuhom f’pożizzjoni li jistgħu jagħmlu proposit li bihom itejbu bil-kbir il-qagħda taċ-ċittadini. Interessanti kif kważi ħadd ma ħareġ jgħidilhom li qed iwegħdu s-sema fl-art.

    Hemm raġuni waħda għal dan. Fl-aħħar snin, taħt tmexxija Laburista, l-ekonomija għamlet progress enormi. Konna ilna deċennji ma naraw tkabbir ekonomiku daqstant qawwi. Kulħadd allura qed jassumi li se jkun hemm aktar x’jitqassam.

    It-tellieqa m’għadhiex dwar kif li hemm se jissostna, imma dwar kif l-aħjar jitqassam il-ġid ekonomiku ġdid li hu mistenni jissawwar, grazzi għas-suċċess Laburista. 

    FAMILJA MILL-MIDJA

    Matul l-aħħar snin, innotajt kif qamu kriżijiet ċkejkna fis-soċjetà tagħna meta preżentatur jew ieħor ta’ programmi regolari fuq ir-radjo jew it-televixin jinbidlu. Jew għax il-programm jitqies bħala xi ftit jew wisq skadut u jiddaħħal ieħor minfloku, jew għax tinbidel skeda ta’ programmi fi tmiem staġun.

    Il-preżentatur iħossu ttradut u jirvella. Jitqanqlu miegħu is-semmiegħa/telespettaturi li jkunu qed isegwuh. Tassew jinħassu bħala familja li ġiet urtata fil-mod kif torganiżża ħajjitha u kif tistma lill-“mexxej” jew kap tal-familja tagħha.

    Il-biċċa ta’ spiss issir serja, bi preżentaturi li jħossuhom ġew trattati ħażin, iqisu li l-politika taħti. U allura jitilqu għat-triq li jekk ikunu blu, isiru ħomor, jew viċi versa. Igħiduli li f’każi hekk, ikun hemm min fil-“familja” medjatika tagħhom li jagħmel l-istess.

    STUDJU DWAR IS-SAJD

    Ġie f’idi studju akkademiku miktub minn Alicia Said u studjużi oħra mill-Università ta’ Kent dwar is-sajjieda tradizzjonali Maltin fil-qasam tat-tonn. Laqatni ħafna għax jorbot ma’ dak li ili nisma’ u nara, tant li tkellimt dwar is-suġġett kemm-il darba fil-Parlament Ewropew.

    Tul l-aħħar sbatax-il sena, ġraw żewġ żviluppi li qagħbru bil-kbir lis-sajjieda tradizzjonali Maltin. Kien hemm il-wasla tas-sajd industrijali għat-tonn, li jqalla’ l-flus lill-pajjiż, u li l-gvern ħeġġeġ. U internazzjonalment, daħal għarfien  li t-tonn bħala ħut qed jinqered u jeħtieġ jingħata protezzjoni biex il-popolazzjoni tiegħu tikber; allura twaqqfet is-sistema tal-kwoti. Minn tal-aħħar, ibbenefikaw bil-kbir l-azjendi “industrijali” tat-tonn, u għal diversi raġunijiet, is-sajjieda tradizzjonali qed jispiċċaw imwarrba.

    Dil-ħaġa ili nħossha mill-ispjegi li kont nisma’. Madankollu r-rapport ta’ Said u sħabha jikkonferma b’mod riċerkat, l-ilmenti tas-sajjieda tradizzjonali.   

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook