Affarijiet li laqtuni...

  • Mej 12, 2017 15:45
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Il-liberta’ li temmen li trid

    Il-ġimgħa li għaddiet inqalgħet kontroversja dwar ir-reliġjon fl-iskejjel tal-Istat.  Ir-raġuni kienet li l-Ministru tal-Edukazzjoni qal li ma jsib l-ebda oġġezzjoni li fl-iskejjel ikun hemm tagħlim tal-Iżlam għal min irid jitgħallmu.  

    Personalment nemmen li m’għandux ikun hemm tagħlim tal-ebda reliġjon fl-iskejjel.  Għandu jkun hemm tagħlim dwar valuri u prinċipji importanti bħal valur li bħala Maltin ngħożżu.  Biss dawn ma għandhomx ikunu marbutin mal-ebda reliġjon.

    Imma la s-sistema tagħna, fl-iskejjel pubbliċi, hi li tiġi mgħallma r-reliġjon Kattolka, allura jrid ikun hemm mezz biex dawk ta’ reliġjon oħra, sakemm ikun hemm numru adattat, ikunu jistgħu jitgħallmu r-reliġjon tagħhom. Ir-raġuni hi waħda sempliċi.  Jekk l-Istat ma jipprovdix dan it-tagħlim ikun qiegħed ixekkel il-liberta’ li temmen f’liema reliġjon li trid.  La l-Kattolċi għandhom dritt jitgħallmu r-reliġjon tagħhom, sew ukoll ħaddieħor.  Irridu niftakru li ċittadin Malti Musulman hu daqs ċittadin Maltin Kattolku.

    Hemm raġuni oħra li nemmen li llum saret importanti.  L-ewwel ħaġa rridu nifhmu hili llum hemm ċittadini Maltin li jemmnu fl-Islam u għalhekk dawn minn xi mkien ser jitgħallmu din ir-reliġjon.  Kulħadd jaf bl-istraġi li qed tinħoloq minħabba r-radikaliżmu.  Tajjeb ukoll li niftakru li meta kellna r-reliġjon Kattolka radikali użata f’Malta fis-sittinijiet dan wassal għat-tkissir ta’ familji, mibegħda u d-diskriminazzjoni minħabba r-reliġjon.  Minħabba f’hekk hu importanti li r-reliġjon li tkun mgħallma tkun konformi mal-valuri tal-liberta’ u demokrazija li nemmnu fih.  Jekk ma rridux radikaliżmu Musulman, ma nistgħux inwaddbu din il-kwistjoni taħt it-tapit.

    Prosit

    Nixtieq ngħid prosit lill-Valletta 18 Foundation speċjalment lic-Chairman tagħha, Jason Micallef, għall-attivitajiet kulturali li ħoloq għall-Valletta 18.  Dawn l-attivitajiet reġgħu taw il-ħajja lill-Belt Valletta.  Nittama li dak li nħoloq ma jisfumax fix-xejn wara 2018.  Nemmen li nħolqot bażi biex dawn l-attivitajiet kulturali li nħolqu mhux biss ikomplu jiżviluppaw, iżda li jfuru fil-bliet u rħula oħra Maltin.  Il-ħeġġa, id-dinamiżmu u l-kreattivita’ li nħolqu hemm bżonn li jsibu wkoll posthom fil-Kunsilli Lokali kollha.

    Ugwaljanza fit-trattament

    Fi kwalunkwe għaqda wieħed mill-akbar prinċipji hu li kulħadd ikun stmat daqs ħaddieħor u li wieħed jistma lill-oħrajn bħal ma hu jixtieq li jiġi stmat hu.  Iżda dan il-prinċipju mhux dejjem hu miżmum.  Eżempju ta’ dan hu l-każ tal-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa.  Dawn kienu pajjiżi li sa ftit għexieren ta’ snin ilu kienu taħt dittatorjat.  U f’kull dittatorjat liberta’ li tintilef tkun il-ħelsien tal-moviment.  Dan il-ħelsien hu wieħed miftuħ għax jolqot il-liberta’ li jien nagħżel il-post tax-xogħol li rrid naħdem fih anki jekk dan ikun barra minn pajjiżi.  Dan mhux biss hu tajjeb għall-ħaddiem individwali iżda wkoll anki għall-pajjiżi għax jekk ma hemmx nies ta’ ħila li hemm bżonn, l-ekonomija xorta tkun tista’ taħdem għax tattira nies barranin b’dik il-ħila li hemm bżonn.

    Biex dan isir irid ikun hemm aktar globalizzazzjoni fejn mhux biss il-prodotti jkunu jistgħu jimxu faċilment bejn pajjiż u ieħor iżda anki l-ħaddiema.  B’hekk igawdi kulħadd.  Ma jfissirx li ma jkunx hemm skumdita’.  Waħda minn dawn hi li xi kultant tibda tgħid, imma jien żgur li qed ngħix ġo pajjiżi jew f’xi post barrani?  Veru hi ħaġa skomda iżda meħtieġa.  

    Jekk nieħdu lilna l-Maltin, aħna gawdejna minn din il-globilizzazzjoni.  Meta ma kellniex xogħol għax l-ekonomija tagħna ma kinitx qed tipproduċi, aħna l-Maltin stajna mmorru pajjiż ieħor fejn inkunu nistgħu ngħixu bil-ħiliet tagħna.  Li kieku ma stajniex nagħmlu dan kieku konna nbatu l-ġuħ ġo dan il-pajjiż – xi ħaġa li s’issa dejjem skartajna.  Min-naħa l-oħra, meta bħal-lum l-ekonomija qed tifflorixxi bis-sħiħ, din tista’ tikber għax nies barranin bil-ħiliet li għandha bżonn l-ekonomija biex tkompli tikber ġew jaħdmu Malta.

    Li jdejjaqni hu meta tara pajjiżi bħal dawk tal-Lvant tal-Ewropa li huma jridu jmorru jaħdmu ġo kull pajjiż ieħor iżda mbagħad ma jridux iġorru ċerti responsabilitajiet u jridu jnaqqsu l-ħelsien ta’ moviment.  Dawn il-pajjiżi ħadd minnhom ma jrid li jġorr parti mill-piż tal-immigranti.  Huma l-ewwel pajjiżi li minkejja li kienu jgergru bil-fruntieri tal-barbed wire u mgħassa b’suldati bil-machine guns, issa telgħuhom huma biex ma jħallux immigranti jidħlu.  Insew li ftit ta’ żmien ilu l-Ewropa kollha kienet tilqagħhom meta huma wkoll kienu immigranti li kellhom jaħarbu minn pajjiżhom.  Kulħadd laqagħhom.  Biss huma ma jridux jilqgħu lil nies oħra li qed jaħarbu minn pajjizhom.  

    Il-mistiedna jridu jġibu ruħhom sew

    Bħal ma semmejt nemmen li l-barranin għandna nilqgħuhom.  Iżda nemmen ukoll li jridu jġibu ruħhom bħala mistiedna.  Dak li jiġi mistieden f’dar ħaddieħor jaf li jrid iġib ruħu sew u wkoll bħala mistieden.  

    Ħaġa li ddejjaqni hi li tara barranin li qed jaħdmu Malta jġibu ruħhom qiesu Malta hi darhom.  L-arroganza dejjem dejqitni iżda hi aktar intolleranti meta din tiġi minn xi mistieden.  Fl-opinjoni tiegħi l-akar nazzjonalita’ li jġibu ruħhom b’dan il-mod huma minoranza Taljani li f’okkażjonijiet jittrattawna qiesna li aħna Sqallija jew xi kolonja.  Insew il-proverbju li when you are in Rome do as the Romans do.    

    Ħaġa oħra li ddejjaqni hi meta fl-aħbarijiet nara numru ta’ barranin li jitressqu l-Qorti.  Meta jinstabu ħatja, rarismu li jkun hemm sentenza li jitkeċċa minn Malta.  Jien għalija dawn għandhom jingħataw sensentza sospiża u jitkeċċew minn Malta.  Din għandha tgħodd għal kull barrani.  Illum qegħdin f’sitwazzjoni li dawn il-barranin, barra li ma jġibux ruħhom sew u jiksru l-liġi, meta jingħataw sentenza sospiża jkollna nkomplu nitqannew bihom u meta jingħataw sentenza ta’ ħabs, irridu nħallsu għalihom mit-taxxi tagħna.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0