Min se jirbaħ?

  • Mej 15, 2017 08:47
  • Miktub minn Alfred Sant

    Naturali li f’kampanja elettorali, l-mistoqsija kbira f’moħħ kulħadd tkun dwar min se jirbaħ. Fil-kampanja tal-lum, il-konvinzjoni tiegħi hi li l-gvern Laburista għandu jingħata mandat ieħor biex imexxi.

    Biss mistoqsija importanti hi: x’se jiġri wara tmiem il-kampanja elettorali meta jiġi fformat gvern ġdid?

    Se jkun baqa’ l-aħħar tliet ġimgħat tal-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea. Malajr jgħaddu. Wara tibqa’ l-isfida ta’ kif ir-rankatura ekonomika se tiġi sostnuta. Kemm ili nsegwi l-iżviluppi ekonomiċi f’pajjiżna... u issa lanqas nitħajjar ngħodd is-snin li għaddew fuq hekk... rari kellna r-rankatura ta’ issa. 

    Dejjem qiest li biex Malta jirnexxielha tagħmel bidliet mill-qiegħ fit-tmexxija ekonomika u soċjali tagħha, jeħtiġilha tlaħħaq tkabbir reali sostnut ta’ bejn 3 u 5 fil-mija fis-sena. Fl-aħħar snin, hekk ġara. Fis-snin li ġejjin, dar-ritmu jrid jitkompla.

    ***

    FONDI EWROPEJ

    Iż-żewġ partiti qed jipproponu programmi qawwija ta’ investiment fl-infrastruttura, l-aktar fit-trasport. Qed jagħmlu tajjeb, għalkemm forsi wieħed kien jistenna emfażi akbar fuq l-edukazzjoni, fejn għadna lura, mqabbla ma’ pajjiżi Ewropej oħra.

    Madankollu l-probabbiltà hi li se jkun hemm anqas u anqas fondi Ewropej disponibbli għal Malta biex twettaq il-proġetti mħassla. 

     It-titjib ekonomiku tal-aħħar snin tellagħna ’l fuq mal-kejl tal-pajjiżi li huma tat-tajjeb. Allura se tonqsilna biċċa mill-kejk ta’ fondi “bl-irħis” li joħorġu mill-Unjoni Ewropea.

    Raġuni oħra x’aktarx tkun li bit-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea se jonqos l-ammont ġenerali ta’ flejjes li minnhom tiddisponi l-Unjoni. Il-Brittaniċi huma (jew kienu) it-tieni l-akbar kontributur ta’ fondi fil-baġit Ewropew.

    ***

    MAĠISTRAT FUQ KORRUZZJONI

    L-ironiji tal-ħajja politika kważi ma jieqfu qatt. Il-PN qed jipproponi li għall-kontroll aħjar tal-korruzzjoni, jinħatar maġistrat inkwirenti speċjali li jingħata poteri akbar ta’ investigazzjoni, u jekk fhimt tajjeb, riżorsi tiegħu biex jinvestiga.

    Issa dan hu l-istess proġett li bejn l-1996 u l-1998, mill-amministrazzjoni Laburista ta’ dak iż-żmien imbottajna ’l quddiem. Kellna abbozz ta’ liġi qed jitħejja. Personalment, minn dejjem qiest li m’hemmx mod aħjar kif il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-abbużi ta’ poter statali tista’ titmexxa b’xi suċċess. 

    Dak iż-żmien, il-PN kien għal kollox kontra. B’mod konfidenzjali, sirt naf li kien bagħat il-“messaġġiera” tiegħu biex jiżguraw li titqanqal reżistenza wiesgħa għall-proposta. 

     Balleċ, il-ġudikatura indikat li mhix qed taqbel u qed tħossha mdejqa bl-idea. Ir-rappreżentanti tal-avukati l-istess. Riedu li l-biċċa tindifen. 

    L-iskuża kienet li l-proposta mhix konsonanti mal-istrutturi li jirregolaw il-ġustizzja u l-ġudikatura f’pajjiżna – u mal-mod kif jaħdmu difiża u prosekuzzjoni. Issa, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed terġa’ tipproponiha. X’inbidel mill-1997 lil hawn?

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0