Bus lanes, qrati, elezzjonijet u data ta’ telefonati

  • Mej 16, 2017 07:25
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Bus lanes, qrati, elezzjonijet u data ta’ telefonati

    Il-bus lanes – L-idea tal-bus lanes hi tajba għalkemm diffiċli li tapplikha b’mod effettiv f’post żgħir bħal Malta.  Ir-raġuni hi sempliċi – it-toroq tagħna huma dojoq ħafna u għalhekk l-ammont ta’ bus lanes li tista’ tagħmel huwa żgħir bir-riżultat li l-effettivita’ tagħhom tonqos drastikament.

    Iżda hemm fattur ieħor – l-abbuż mis-sewwieqa.  Diġa’ kont ktibt fuq l-abbużi li jsiru fil-bus lanes tal-Marsa.  Li tpoġġi warden tajjeb, iżda hu għali biex iżżommu hemm ‘il ħin kollu barra li x-xufiera mal-ewwel jittendu meta jkun hemm xi wieħed minnhom u għalhekk l-abbużi xorta jibqgħu.  

    Ma jfissirx li ma nistgħux naraw li r-regolamenti f’dan il-qasam jinżammu.  Metodu sempliċi u li mhux suppost ikun għoli hu li tpoġġi camera li tirrekordja lil min jgħaddi minn fuq il-bus lanes.  Min jikser il-liġi u jostakola t-tibdil li hemm bżonn fl-atteġġjament tagħna, għandu jħallas.

    L-Qorti – Semmejt il-Liġi.  Ġieli ktibt dwar kif sew il-liġijiet u s-sistema legali tagħna kif tiġi applikata, iwassal lil ħafna nies, inkluż jien, li nemmnu li m’għandekx tersaq lejn l-għatba tal-qorti, għaliex is-sistema aktar tiddefendi lil min jabbuża u mhux lill-vittma.  Kont ktibt ukoll dwar il-libelli u kif is-sistema tagħna tinkoraġġixxi dan speċjalment sew minħabba l-proċeduri jdumu ma jwasslu għal deċizjoni barra l-fatt li litteralment huma l-interessi ta’ min jabbuża li jigu mħarsa u mhux tal-vittma.

    Bħalissa qegħdin f’kampanja elettorali u dan il-fattur, kif jimxu l-qrati, jieħu dimensjoni ġdida.  Personalment nemmen li kif jimxu l-qrati jistgħu jagħtu daqqa ta’ ħarta lid-demokrazija.  Snin ilu, kellna eżempju fejn kap ta’ partit gideb kontra kap ta’ partit ieħor fl-aħħar ġurnata tal-elezzjoni.  Is-sentenza, li wriet li dak li ntqal kienet gidba ħareġ snin wara l-elezzjoni.  Il-fatt li l-qorti ma ħarġitx is-sentenza tagħha qabel l-elezzjoni kellu effett fuq ir-riżultat tal-elezzjoni?  Jien nemmen li kellu, għaliex in-nies meta marru jivvutaw ma kienux jafu jekk il-persuna li ġie mħammeġ bil-gidba kienx verament innoċenti jew ħati.  

    Din id-darba kellna eżempju ta’ dan meta l-qorti ddeċidiet li ma tismax kawża ta’ libell b’urġenza u b’hekk min ġie mħammeġ ser ikollu jiffaċċja elezzjoni b’dubji kbar fuq rasu.  Din ser ikollha effett fuq id-demokrazija f’Malta?  Żgur li l-elettorat mhu ser ikun jaf min hu l-giddieb u min hu l-innoċenti u ser jibbaża l-ġudizzju tiegħu mhux fuq il-fatti iżda fuq jekk għandux fiduċja f’min ħareġ bil-qlajja jew jekk għandux fiduċja fuq min ġie akkużat.

    Din hi sikkina taqta’ ħafna għaliex anki meta joħorġu l-fatti hu importanti.  Ftit tax-xhur ilu rajna l-elezzjoni Amerikana.  Kien hemm kwistjoni dwar emails ta’ Hillary Clinton meta kellha pożizzjoni ta’ Segretarju tal-Istat (bħal ministru tal-affarijiet barranin). Din il-kwistjoni kienet ilha għaddejja bil-mod.  Izda fl-aħħar ġimgħat id-Direttur tal-FBI ddeċieda li joħroġ numru ta’ stqarrijiet li għalkemm ma ġabet xejn konkret, tefgħet dubji kbar fuq Clinton.  Possibbli dak li  qal ma setax qalu xhur qabel?  Ir-riżultat kulħadd jaf x’inhu.  Minn vantaġġ qawwi, tilfet l-elezzjoni.  Nispera li ma jkollniex xi waħda bħala f’din l-elezzjoni.  Xejn mhu eskluz għax barra li kollox hu possibbli, nafu li s-sistema tagħna ma tħarisx lil min hu innoċenti u l-vittma u wisq anqas lejn id-demokrazzija.

    Data personali:  Jekk hemm xi ħaġa li dejjem skantatni fina l-Maltin kienet li m’aħniex sensittivi fuq id-data personali tagħna.  L-ewwel li kont skantajt kien meta bdew jitpoġġew CCTV cameras f’postijiet pubbliċi.  Il-poplu kien jidher li hu kuntent bihom.  Aktar ma kienu qed jitwaħħlu, aktar aħjar.  Ħadd ma staqsa jekk kienux ġustifikati jew le.  Nemmen li fejn hemm ġustifikazzjoni, dawn għandhom isiru, iżda fejn m’hemmx, m’għandhomx.  Aktar ‘il fuq semmejt li biex nissalvagwardjaw il-bus lanes, u għalhekk aktar trasport effiċjenti, għandha tittpoġġa camera f’dawn il-postijiet.  Biss nemmen ukoll li l-camera kull ma għandha bżonn timmarka hu n-numru tal-karozza u mhux dettalji oħra.

    Dan l-aħħar ukoll inqalgħet kwistjoni dwar editur li talab lill-Kummissarju tad-Data biex jistħarreġ minfejn ħarġet l-informazzjoni ta’ telefonata li għamel.  Din mhix l-ewwel darba li xi ħaġa bħal din ġrat.  Ftit ta’ snin ilu, niftakar żewġ każi fejn sms li ntbagħtu minn xi ħadd ġew esebiti l-qorti.  Li kont u għadni skantat kif, la n-nies, la media u lanqas il-qorti ma rrimarkat xejn dwar il-fatt kif data personali spiċċat għand minn spiċċat.  

    Jekk ma ntwera xejn minn dawn il-fatti, intwera li l-kumpaniji tat-telekommunikazzjoni tagħna m’għandhomx sistemi effiċjenti biex id-data personali tal-klijenti tiġi mħarsa u wisq aktar li r-regolatur li hu responsabbli mit-telekommunikazzjoni, barra li ma tkellem xejn fuq dawn il-każi speċjalment kif seħħew, ma jidhirx li għamel xi ħaġa biex jiżgura li din id-data tiġi protetta.

    Il-kwistjoni tad-data personali hi kwistjoni taħraq ħafna.  Min jifhem f’dan il-qasam, jgħidlek li llum u għada aktar mil-lum, min jikkontrolla d-data jikkontrolla d-dinja.  

    Aktar ‘il quddiem, inkompli fuq dan is-suġġett, biex forsi l-Maltin ikunu aktar sensittivi dwar id-data personali tagħhom speċjalment dak li jiġi mxandar fuq is-social media.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0