Terġa' aktar fuq is-servizzi finanzjajri

  • Mej 18, 2017 07:50
  • Miktub minn Dr Alfred Sant

    Nifhem li waqt kampanja elettorali, għandha tinżamm ċerta prudenza f’diskors dwar il-politika futura għas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna. Jew aħjar: dwar il-qafas li fih għandhom jitmexxew. Imma wieħed jistenna li linji bażiċi ta’ tmexxija għandhom jiġu mistqarra bil-miftuħ minn qabel.

    Hemm aspetti ta’ dal-qasam kruċjali, fejn morna l-baħar fl-allegazzjonijiet bla sens li baqgħu jsiru, minn hemm u lil hawn. Il-kliem żejda malajr iġibu danni kbar. Ħatja f’hekk, mhux il-politikanti biss. Il-professjonisti tas-settur jibqgħu ħalqhom magħluq: meta fl-aħħar jiftħuh, minn dak li jgħidu, ma tkunx żgur għaliex għamlu hekk issa, u mhux ilbieraħ!

    Fis-snin disgħin, il-PN fil-gvern ippropona li jirriforma mill-qiegħ l-istatut tas-servizzi finanzjarji. Kont dubbjuż. Lino Spiteri kkonvinċieni li dil-ħaġa se ssir fir-rispett tal-ħtieġa li ma jitħallewx toqob għall-ħasil tal-flus. Karmenu Mifsud Bonnici kien insista sal-aħħar li dan ma kienx possibbli. Imma ta’ ġentlom li hu, wara li ttieħdet id-deċiżjoni, fil-Parlament iddefendiha b’intelliġenza u dehen. 

    Illum hemm bżonn li naġġornaw il-mudell tas-servizzi finanzjarji fostna. Irridu nagħmlu dan b’impenn lejn trasparenza u diliġenza akbar. Inkella se nidhru qisna rridu niskrukkjaw lill-Ewropa. Hekk diġà hemm min qed jippreżentana fi Brussell. Tapplika għall-Maltin kollha, Nazzjonalisti u Laburisti. 

    ***

    Macron

    Emmanuel Macron ta wirja tajba ħafna fiċ-ċerimonja tal-investitura tiegħu bħala President ta’ Franza fil-Palazz tal-Elysee f’Pariġi. Ma tistax ma tawguralux kull suċċess. 

     Hekk nagħmel, speċjalment għax il-kampanja “ottimista” tiegħu rnexxielha taqbad ir-ritmu tal-aspettattivi popolari.

    Jien nibqa’ xettiku madankollu dwar il-futur.

    Ir-realtà fl-Ewropa hi li hemm min sejjer tajjeb għal tajjeb ħafna; hemm min sejjer ħażin, għal ħażin ħafna. Fost tal-ewwel, uħud xorta raw ħajjithom titlef mis-sodisfazzjon tagħha. Macron irnexxielu jimmobilizzahom. Se jirnexxielu jżommhom miegħu? 

     Lil tat-tieni se jirnexxielu jfarraġhom, jew se jsib li n-numru tagħhom qed jiżdied? 

    ***

    F'Montrouge 

    Il-ġimgħa li għaddiet fil-commune Pariġina ta’ Montrouge għaddejt minn esperjenza xejn tas-soltu.

     Fl-1976, kont ktibt dramm “Fid-Dell tal-Katidral” li Joe Friggieri tella fit-teatru tal-Università. Ma lħaqtx rajtu għax kont għadni ngħix fl-Istati Uniti.

    Reġgħu tellgħuh f’Montrouge u mort narah jinħadem għall-ewwel darba. Saru addattamenti biex jinġab eqreb żminijietna llum. Imma l-essenzjali kollu – jew kważi – baqa’ f’postu. L-atturi kienu tajba għal tajba ħafna, id-direzzjoni ta’ Anne Berelowitch l-istess.

    Wara li jkunu għaddew erbgħin sena, ovvja, il-kittieb ma jkunx l-istess bħall-“jien” tal-lum. Imma f’daqqa, waqt li kienet għaddejja l-wirja, bdejt niftakar kollox kif inkiteb u għaliex inkiteb hekk. Esperjenza inkredibbli. Igħaddu kemm jgħaddu s-snin, ċerti memorji hemm jibqgħu... anke meta tkun insejthom.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0