MEDITERRAN

  • Mej 22, 2017 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    MEDITERRAN

    Forsi għandi żball, imma donnha naqset l-importanza li konna nagħtu fl-imgħoddi lill-Mediterran bħala reġjun u lill-ħtieġa li titmexxa politika partikolari għar-reġjun. Veru li bil-fomm, ikun hemm drabi fejn dil-ħtieġa tissemma. Veru wkoll li l-presidenza Maltija poġġiet il-politika Mediterranea bħala waħda mill-prioritajiet tagħha. 

    Imma meta tifli kif jitlaħħmu l-proposti għall-ħidma futura u kif jitwettqu l-proġetti, x’aktarx issib li battiet sew il-fehma li tista’ fiċ-ċirkostanzi attwali torganizza politika li torbot il-partijiet tar-reġjun. Aktar sirna, speċjalment f’perspettiva Ewropea, nikkunsidraw il-Mediterran fil-qafas ta’ ħidmiet settorali, bħal fl-immigrazzjoni, il-provista tal-enerġija, il-kummerċ fil-biedja...

    Problema persistenti li taħti għal dan l-iżvilupp tikkonsisti fid-distakk li ma narahx naqas bejn l-istituzzjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali fid-diversi partijiet tar-reġjun. Ma għenux il-problemi ekonomiċi serji fil-pajjiżi ta’ fuq tal-Mediterran (Greċja, Italja, Spanja...) u lanqas il-ġrajjiet li seħħew wara r-rebbiegħa Għarbija, mhux l-anqas bil-kollass tal-Libja.

    Jaqblilna li nħallu l-politika Mediterranea fil-ġenb?

    ***

    VOTI MINN BARRA

    Diffiċli tifhem għaliex baqgħet mhux solvuta l-problema ta’ kif jistgħu jivvotaw iċ-ċittadini Maltin li joqgħodu barra l-pajjiż u jkunu għadhom bid-dritt tal-vot.

    Żgur m’hemmx lok aktar għall-esiġenza li jiġu Malta biex jivvotaw. Jeżistu metodi li mhumiex daqstant diffiċli biex jitwettqu, li bihom il-vot tagħhom jitniżżel barra, u mhux biss fl-ambaxxati. Il-maġġoranza taċ-ċittadini llum m’għadhomx imbeżżgħa daqs qabel mill-“periklu” li l-vot tagħhom jista’ jsir magħruf. 

    Veru li tqum il-problema ta’ kif se jkun ivverifikat li min qed jaspira li jivvota jkun qed josserva l-obbligu kostituzzjonali tar-residenza f’Malta. Biss din mhix biss problema fil-każ ta’ min jivvota barra. Tapplika wkoll għal dawk li jiġu Malta biex jivvotaw. Saru ħafna abbużi fl-imgħoddi dwar hekk. Madankollu, anke dil-ħaġa tista’ u għandha tissewwa.

    ***

    SLIMANI

    Ir-rumanz “Għanja Ħelwa” ta’ Leila Slimani hu qawwi. F’taħlita ta’ flexbeks u rakkont li jimxi mal-fasla taż-żmien, itarrfilna l-istorja ta’ kif koppja żagħżugħa b’żewġt itfal żgħar jingaġġaw lil Louise biex tieħu ħsieb uliedhom waqt li huma jkomplu bil-karriera tagħhom.

    Slimani toqgħod dejjem attenta biex ma timliex ir-rakkont tagħha b’wisq dettalji u spjegi. Il-komplikazzjonijiet soċjali u personali ta’ x’jiġri jew ma jiġrix huma aktar suġġeriti milli murija b’mod konkret. Pereżempju, Miriam, il-mara fil-koppja żagħżugħa hi minn ġenituri stabbiliti fi Franza mit-Tuneżija. Il-fatt li mhijiex ta’ oriġini Franċiża, qed iwassal biex min jimpjegaha bħala avukatessa qed jesplojtjaha? Il-mistoqsija qatt ma titqajjem b’mod espliċitu. 

    Louise toqtol liż-żewġt itfal afdati lilha. X’wassalha għal hekk? Jew forsi din mhijiex il-mistoqsija t-tajba?

    Bil-mistħoqq, “Għanja Ħelwa” rebaħ il-premju Goncourt tas-sena 2016.     

    Alfred Sant

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0