Rankatura

  • Mej 25, 2017 09:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Ninsabu fil-waqt ta’ proċess elettorali fejn il-kampanji rispettivi jkunu laħqu r-rankatura massima tagħhom. Diffiċli jsaħħuha issa b’mod spettakolari – dejjem jekk ma jidħolx xi element moħbi li fl-aħħar ġranet jibdel bil-kbir il-fehmiet taċ-ċittadini. 

     Jekk niftakar tajjeb, l-aħħar darba li dil-ħaġa ġrat kien fi Spanja, fl-aħħar elezzjoni li Aznar kien mexxa għall-Popolari: ħareġ iwaħħal fis-separatisti Baski għal attentat imdemmi, u rriżulta li l-Baski ma kellhom x’jaqsmu xejn.

    Niddubita kemm illum, in-nies tara wisq differenzi bejn il-proposti dwar il-politika tal-futur li qed jippreżentaw iż-żewġ partiti. Imma jafu sew xinhuma ż-żewġ temi skjerati: it-tmexxija ekonomika u soċjali ta’ suċċess li mexxa l-gvern Laburista kontra l-akkużi ta’ governanza li qajmet l-Oppożizzjoni. 

    Jien u nikteb hawn, m’inix nara li hemm wisq ċans fiż-żmien li baqa’ biex ir-rankatura fuq wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ suġġetti titqawwa. Forsi għandi żball. 

    ***

    VERDETT 

    Il-Bank Ċentrali Ewropew fisser il-fehma li matul is-sena 2016, il-ħidma għal għaqda akbar fit-tmexxija u fl-istituzzjonijiet taż-żona tal-ewro staġnat. Dan minkejja li d-diversi pajjiżi membri resqu eqreb tar-regoli ssettjati għall-ekonomiji u l-finanzi tagħhom. 

    Il-verdett tal-Bank hu korrett.

    Il-front li fuqu kienet qed taħdem iż-żona tal-ewro biex issaħħaħ l-istrutturi tagħha hu dak tal-għaqda bankarja. Daħlu sew il-miżuri ta’ sorvelja ma’ għadd kbir ta’ banek Ewropej biex jiġi żgurat li qed isegwu ċerti regoli ta’ sigurtà finanzjarja fl-operat tagħhom. Għad hemm dgħufijiet kbar madankollu fil-ħarsien ta’ banek kbar li jistgħu jikkrollaw. Banek Taljani jinsabu fuq quddiem nett f’dil-kwistjoni.

    Fuq kollox, għadu ma sar prattikament xejn fuq dak li jissejjaħ it-tielet pilastru tar-riforma bankarja Ewropea: it-tnedija ta’ skema Ewropea għall-garanzija tad-depożiti li jitpoġġew fil-banek.

    ***

    BEJN TRUMP U NIXON

    Għadu kmieni wisq biex wieħed iqabbel dak li jinsab għaddej f’Washington, ma’ x’ġara fi żmien il-President Nixon b’Watergate. Il-kriżi ta’ Nixon kienet bla preċedent u qawwija fil-mod kif spiċċat theżżeż mill-għeruq l-istituzzjonijiet demokratiċi tal-Amerika.

    B’kuntrast, għalkemm serji, l-allegazzjonijiet li qed isiru dwar Trump, uħud minnhom xprunati mill-messaġġi elettroniċi li hu stess joqgħod jittwitja, ta’ spiss ixaqilbu lejn il-buffunati. 

     M’hemmx paragun bejn Trump u Nixon. Tal-aħħar kien politikant ta’ kalibru kbir li ħalla s-sens ta’ inferjorità u insigurtà f’ħajtu u b’ħajtu jegħlbuh għal kollox, minkejja li rnexxielu jwettaq rebħiet politiċi kbar.  Trump hu xowman li rnexxa fil-biżness u mingħalih li l-istess metodi li uża sa issa, japplikaw ukoll għall-politika.

    Nixon ikkraxxja. Kmieni wisq biex tgħid li Trump se jmissu jew jistħoqqlu l-istess destin.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook