L-elezzjoni u l-konsumaturi

  • Mej 27, 2017 13:49
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Ftit jiem oħra jkollna elezzjoni u l-konsumaturi jridu jaraw jekk l-interessi tagħhom jkunux imħarsa.  L-entużjażmu tal-kampanja sabiħ u jagħti okkażjoni lin-nies li jifirħu ma’ xulxin bil-kant u tixjir ta’ bnadar u mkatar ikkuluriti.  

    Iżda kif tgħaddi l-elezzjoni u kollox jikkwieta, il-konsumaturi jridu jħabbtu wiċċhom mal-problemi tal-ħajja – problemi li trid iġġorrhom int u ħadd aktar.  Hu għalhekk li l-konsumaturi jridu jiddeċiedu x’inhu l-aħjar għalihom u l-effetti li kull tibdil jista’ jkollu.  Ħafna drabi fil-bidu naraw is-sabiħ ta’ kull bidla, iżda wara naraw u nġarrbu l-effetti negattivi.  

    Hu minħabba f’hekk li għat-tieni darba l-Għaqda ħarġet proposti li ntbagħtu lill-partiti politiċi biex jixtarruhom mhux għaż-żmien l-elezzjoni, iżda tul il-legiżlatura kollha (ara http://camalta.org.mt/cas-election-proposals/).Ma ħarisniex lejn proposti li jolqtu l-għajn iżda lejn proposti li jaqbdu minn qrunhom ċerti problemi li l-effetti tagħhom ser jinħassu, għalkemm mhux kollha direttament, tul il-leġiżaltura li jmiss.

    Waħda mill-affarijiet li konna tkellimna dwarhom fil-bidu tal-proposti tagħna fl-aħħar elezzjoni u li reġgħet sabet ruħa fil-proposti ta’ din l-elezzjoni hi t-trasparenza speċjalment bejn il-partiti u n-negozju.Ir-relazzjoni bejn il-klassi politika u n-negozju, bħal f’kull pajjiż ieħor, hi qawwija.  Ir-raġunijiet prinċipali huma tnejn.  Ħafna mill-partiti jiddependu fuq in-negozju biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom u wara l-elezzjoni kull gvern irid jaħdem man-negozju jekk irid l-ekonomija tal-pajjiż timxi ‘l quddiem.

    Biss għalkemm din ir-relazzjoni qatt ma tista’ titħassar hu importanti għall-konsumaturi li jkun hemm trasparenza.  Ir-raġuni hi waħda sempliċi.  Jekk il-konsumaturi jkunu jafu min qed jiffinanzja lil min, l-effett ikun wieħed pożittiv għall-konsumaturi.  Ir-raġuni tkun li permezz ta’ din it-trasparenza, kull liġi jew regolament jieħu aspett ieħor.  Aktar importanti minn dan hu l-infurzar tar-regolamenti.  F’dan l-aspett ħafna drabi hu n-nuqqas ta’ infurzar tal-liġijiet li jkun qed jippreferi lin-negozju fuq il-konsumaturi.  Tajjeb li ngħidu li l-aktar ħaġa li ddejjaq lill-konsumaturi hi li ma jkunx hemm infurzar tal-liġijiet u regolamenti għaliex meta l-konsumatur jingidem b’dan in-nuqqas ikun jaf li għandu raġun iżda ma jista’ jagħmel xejn.

    Nafu li tul l-aħħar leġiżlatura ttieħdu l-ewwel passi.  Meta ħarġu konna għidna li minkejja li dan kien pass importanti, kien biss l-ewwel pass.  Iż-żmien tagħna raġun, għax lanqas biss laħqet nixfet il-linka tal-firma tal-President li ma bdejniex naraw kif xi wħud kienu qed iduru magħha biex joqtlu t-trasparenza.  Rajna kif miljuni ta’ Euros inġabru u ma nafux min kien warajhom.  B’hekk ma nafux jekk hux ser ikun hemm negozji li ser igawdu minn fuq dahar il-konsumaturi.

    Hu għalhekk li nħossu li f’dan il-qasam irridu aktar passi biex inkabbru t-trasparenza.  Waħda mill-affarijiet li hemm f’pajjiżi oħra hi li trid tingħata kopja ta’ kull irċevuta li tingħata ma’ kull donazzjoni lill-awtorita’ li hi responsabbli u din tippubblika dawn.  Illum din hi ħaġa faċli li ssir minħabba li l-internet toffri mezz biex isir dan bl-inqas spejjeż.  L-istess għandu jsir għal kull nefqa li ssir sew mill-kandidati u sew mill-partiti tul il-kampanja elettorali.

    Il-konsumaturi jistgħu jaħsbu li din hi xi ħaġa mhux importanti.  Iżda din it-trasparenza hi garanzija li l-konsumaturi jieħdu dak li ħaqqhom f’kull xirja li jagħmlu.  

    Aspett importanti għall-konsumaturi hu l-prezz ta’ oġġett jew servizz.  Ħaġa li l-konsumaturi, ġejjin minn kull klassi tas-soċjeta’, ma jistgħux jifhmu hu kif dawn ivarjaw daqshekk sew bejn negozju u ieħor u sew tul iż-żmien filwaqt li d-dħul tagħhom hu wieħed stabbli għal perjodi twal ta’ żmien.  

    Tajjeb li ngħidu li dan hu l-aspett negattiv ta’ deċiżjoni li kien ha l-elettorat Malti fit-tmininijat fejn tnaqqas serjament ir-rwol tal-gvern li jirregola l-prezzijiet u daħal is-suq aktar liberalizzat.  Irridu ngħidu li minkejja dan l-aspett negattiv, din id-deċiżjoni kellha wkoll aspetti u riżultati tajbin ħafna sew għall-ekonomija u sew għall-konsumaturi.  

    Il-problema tas-swieq tagħna hi li dawn huma żgħar u għalhekk in-numru ta’ operaturi hu żgħir u l-kompetizzjoni hi żgħira ħafna.  L-effett ta’ dan narawh speċjalment fit-telekommunikazzjoni fejn il-prezzijiet meta mqabbla ma’ dawk imħallsa minn konsumaturi f’pajjiżi barranin insibu li huma għoljin esaġerati.  Dan ser ikompli jikkomplika ruħu jekk kif ġie imħabbar il-Vodafone u l-Melita ser jingħaqdu.  L-Għaqda ma taqbilx ma’ dan u ser tikteb lill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni biex ma tapprovax dan għaliex il-komsumaturi Maltin ser imorru ħażin.

    Din iġġibni għal problema oħra li issa ilha kważi sena magħna – dik li dan l-Uffiċċju minħabba deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali li ħarset biss lejn il-liġi u mhux lejn l-interessi tal-konsumaturi ddeċidiet li dan ma jista’ jimponi l-ebda penali meta kumpanija/i jabbużaw.  Problema li l-partiti politiċi ma jistgħux ikomplu jaħarbu minnha.  Li nitfgħu dawn id-deċiżjonijiet il-Qorti mhux soluzzjoni għaliex inkunu qed nipperpetwaw l-abbużi.

    Is-sistema tas-suq, barra l-ftit tgergir dwar il-varjazzjonijiet tal-prezzijiet, kienet milqugħa tajjeb sakemm prezzijiet ta’ ċerti oġġetti li huma meqjusa bħala essenzjali, bħall-enerġija, baqgħu kkontrollati mill-Gvern.  Kien meta dan ma baqax li l-konsumaturi Maltin intlaqtu ħafna ħażin.  Dan meta l-gvern kien ħa deċiżjoni li jimxi mal-politika tal-UE fejn il-prezzijiet tal-enerġija jimxu skont il-prezz tas-suq.  Din il-politika sa ċertu punt taħdem sew f’ħafna pajjiżi li, għaliex huma ħafna akbar minna, għandhom sors differenti tal-enerġija bi swieq kbar u ħafna kumpaniji differenti li jipprovdu din l-enerġja.  B’hekk meta l-prezz taż-żejt jitla’, il-konsumaturi jkunu jistgħu jiġu pprovduti minn sorsi oħra ta’ enerġijan skond il-prezz.  

    F’dan il-kuntest l-UE qed tagħmel sforzi biex il-konsumaturi joqogħdu attenti għal varjazzjonijiet tal-prezzijiet u jaqilbu ma’ dik il-kumpanija li f’dak il-ħin tkun qed toffri l-aħjar servizz.  Din il-politika għal ħafna tagħmel sens biss mhux għal ħafna mill-konsumaturi.  Fil-fatt fl-Ewropa hemm kontroversja fuqha għaliex dawk li jaħdmu mal-konsumaturi jafu li l-konsumaturi la għandhom it-tagħrif u lanqas il-ħin biex jagħmlu dan.  Il-konsumaturi jridu, jekk jista’ jkun prezzijiet irħas, iżda fuq kollox prezzijiet stabbli.  Dan għaliex b’hekk ikunu jistgħu jikkalkolaw minn qabel ma jiġi l-kont kemm iridu jwarrbu għall-elettriku u l-gas.  Dan ma jgħoddx biss għall-konsumaturi iżda wkoll għall-industrija li għalkemm għandhom ir-riżorsi biex joqogħdu jilagħbu bil-prezzijiet, xorta jippreferu l-istabbilita’.  Il-konsumaturi, anki dawk barranin, għandhom biżżejjed fuq moħħhom speċjalment biex jassiguraw futur aħjar għall-uliedhom milli joqogħdu jużaw dan il-ħin biex forsi jiffrankaw xi ħaġa mill-ispiża tal-enerġija minħabba li l-prezzijiet qed jilagħbu skont is-suq.

    Hu għalhekk li nemmnu li l-konsumaturi meta jmorru jivvutaw għandhom bżonn, ‘il bogħod mill-istorbju tal-kampanja elettorali jaħsbu sew kif bil-vot tagħhom jistgħu jħarsu l-interessi tat-tul tagħhom.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook