Negattiva

  • Mej 29, 2017 08:01
  • Miktub minn Dr Alfred Sant

    Il-kampanja tal-PN tant kienet negattiva li għarrqet għal kollox kwalunkwe spunti tajba li seta’ kellha dwar il-ħtieġa għal governanza aħjar f’pajjiżna. Kull min baqa’ dubjuż dwar l-argumenti u l-allegazzjonijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni effettivament kien qed jiġi mgħajjar kriminali u korrott; aħseb u ara min ma jaqbilx. 

    L-impressjoni li ngħatat imbagħad – veru jew le – kienet li xi ħadd induna li l-biċċa saret wisq negattiva. Għalhekk kellha tiġi bbilanċjata bi proposti ta’ tmexxija minn gvern “ġeneruż”. Allura kellna sensiela ta’ wegħdiet li nħassew żbilanċjati u magħmula bla wisq studju.

    B’xorti ħażina, in-negattività ma tissewwiex b’suġġerimenti li jwegħdu kollox lil kulħadd. Aktar u aktar jekk kampanja tkun imsejsa b’mod fondamentali, fuq negattiv li jrid jibqa’ jiġi ripetut.

    Mhux biss il-proposti “pożittivi” jinħassu bħala mhux kredibbli. Talli jintgħarfu ta’ li huma: paraventu ħalli n-negattiv jista’ jibqa’ għaddej. 

     Il-kampanja tal-Oppożizzjoni waqgħet f’din in-nassa. Dwar hekk min qed imexxiha ma jista’ jwaħħal f’ħadd, ħlief fih innifsu.

    ***

    MA NAFDAX

    Dwar governanza tajba u miżuri li qed jiġu proposti għal kontra l-korruzzjoni, bir-rispett kollu, ma nafdax l-istqarrijiet li qed jagħmel il-PN. Dan għax ħafna mill-proposti li l-PN qed jagħmel illum mhumiex ġodda. Ilhom jeżistu snin u għomor. Hemm mudelli ta’ kif iddaħħlu f’pajjiżi oħra.

    Matul is-snin, sħabi u jien tlaqna għal kemm l-inizjattiva maħsuba biex tilqa’ għall-korruzzjoni b’mod effettiv, mhux sempliċement bil-biki u t-tgħażżiż tas-snin. Żvelajna abbużi ta’ poter u deċiżjonijiet fil-veru sens ivvizzjati dwar kuntratti publiċi kbar, minn Chambray sal-proġett tal-Awżiljarji, San Raffaele u warajh Mater Dei sat-tarznari, il-karozzi tal-linja u l-Mistra. Minflok ġew investigati bis-serjetà, gvernijiet Nazzjonalisti ttrattaw il-każi mqajma bħala buffunata. Għexieren ta’ miljuni ta’ ewro kienu involuti.

    Le jiddispjaċini, ma nistax nafda lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista li tista’ tkun serja dwar governanza nadifa.

    ***

    ROGER MOORE

    Għalija Roger Moore ma kienx James Bond, kif in-notizzji fil-midja dwar il-mewt tiegħu emfasizzaw l-aktar. Għalija kien “The Saint” karattru ta’ novelli minn kittieb illum minsi Leslie Charteris, li nqalbu għal episodji tat-televixin. Kull ġimgħa kienu jidhru fuq l-istazzjon nazzjonali, b’Moore għadu żgħir ħafna fil-parti prinċipali ta’ avventurier kapaċi.

    Uħud mill-episodji tista’ ssibhom f’you tube. Rajt wieħed “The Latin Touch”. Ma jdejqekx, għalkemm mimli stereotipi dwar imġiba nazzjonali. Bħal Michael Caine, Moore jipproġetta dehra aristokratika Ingliża. Hwejġu dejjem magħżula skont l-aqwa moda taż-żmien, kliemu mpoġġija b’aċċent taz-zokkor u manjieri kordjali, kalmi biex ma ngħidx bierda. Mentri fil-ħajja, kemm Caine u Moore twieldu u trabbew f’familja mill-klassi tal-ħaddiema. 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0