VOT GĦAL-LABOUR

  • Ġun 01, 2017 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    VOT GĦAL-LABOUR

    Kull gvern għandu t-tajjeb tiegħu u għandu d-difetti. Dan jgħodd ukoll bla dubju għall-gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat. U trid bħal f’kull każ ieħor, tagħmel il-bilanċ bejn it-tajjeb u d-difetti.

    Fl-oqsma tal-ekonomija u tal-progress soċjali l-ħidma kienet eċċellenti. Il-front soċjali filfatt ma rax biss progress f’riformi liberali favur il-minoranzi, imma wkoll fil-ħidma favur li l-ġid maħluq jiġi distribwit b’mod aktar ġust. Ilna snin twal ma nġarrbu ċaqliqa daqshekk qawwija ’l quddiem bħala pajjiż.

    Id-difetti li dehru u nħassu kienu fl-oqsma tal-ambjent u aktar, tal-governanza. Jekk ma jissewewx matul it-tieni mandat Laburista, jiġġeneraw problemi mhux żgħar.

    Kollox ma’ kollox, m’hemmx dubju li l-vot għandu jmur għal-Labour. It-tajjeb li sar jegħleb bil-kbir id-difetti. Fuq kollox, it-tim Laburista qed juri li għandu l-ideat, ir-rieda u l-ħila biex ikompli jibni fuq it-tajjeb li sar, waqt li jħalli spazju sħiħ għall-innovazzjoni u għall-immodernizzar tal-pajjiż.

    B’LUĊIDITÀ

    Wara l-elezzjoni, se jkun meħtieġ analiżi profond ta’ kif l-ekonomija Maltija tista’ tkompli ssaħħaħ l-għeruq tal-ħidma li diġà qabdet fostna matul l-aħħar deċennji, waqt li tara kif se tiddiversifika. Dan l-eżami jrid isir b’luċidità.

    Veru li pajjiżna dejjem sab kif jidħol f’ħidmiet differenti meta linja li jkun telaq tajjeb fiha tibda tirrokka. Imma xejn ma nara li għamilna tajjeb li ħallejna t-tarznari jegħrqu, u l-biedja u l-industrija jiċkienu daqskemm għamlu. Ukoll nibża’ li ħallejna s-servizzi finanzjarji jikbru wisq... u dwarhom għal li ġej, se jqumu t-tempesti.

    Irridu nistaqsu kif u għaliex ċerti proġetti twieldu fl-aħħar snin, biex minnhom nitgħallmu x’għandu jsir ħalli nattiraw oħrajn “bħalhom” għalkemm mhux bilfors tal-istess tip. Proġetti bħal ta’ Crane fl-istampar tal-flus jew bħall-manutenzjoni tal-ajruplani...

    Fuq kollox, ma jaqblilniex nispiċċaw dipendenti żżejjed fuq settur wieħed jew tnejn.

    L-AĦJAR NIES

    Xejn ma jimpressjonawni l-argumenti ta’ dawk li jsostnu li l-gvern Laburista fl-aħħar snin ra kif jinfilza n-nies tiegħu fl-amministrazzjoni tal-pajjiż minflok mexa mija fil-mija skont il-“meritokrazija”.

    Il-verità hi li għal ħamsa u għaxrin sena l-amministrazzjoni tal-pajjiż tħalliet fil-biċċa l-kbira f’idejn nies, kapaċi jew le, li kienu ta’ fibra Nazzjonalista. Madwarhom rawmu u nkoraġġew nies tal-istess tip. Mhux minnu li l-lealtajiet fil-każi kollha baqgħu jmorru lejn il-gvern tal-ġurnata.

    Nafha mill-esperjenza personali. Bejn l-1996 u l-1998, ħallejna ħafna uffiċjali fil-karigi fejn sibnihom. Sal-lum għadhom jasluli rapporti dwar l-iżlealtajiet li twettqu minn nies li nżammu u ntwerew kull fiduċja.

    Il-“meritokrazija” ma tistax tinbena sew jekk tinjora l-effetti – partiġjani, mela le – tal-passat fuq is-sistema amministrattiva publika. 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0