"Għadu frisk daqskemm meta nstema’ l-ewel darba, ħamsin sena ilu!"

  • Ġun 12, 2017 12:40
  • Miktub minn Alfred Sant

     

    VALURI

    Il-mod kif diriġenti Nazzjonalisti... bl-eċċezzjoni forsi ta’ Dottor Mario Demarco... użaw il-kelma “valuri” fl-aħħar ġimgħa kompla jagħmlilhom id-deni. Min jismagħhom seta’ bir-raġun jifhem kif għalihom, huma kienu u baqgħu l-paladini uniċi tal-valuri ġenwini, waqt li l-bqija li ma vvotawlhomx kienu jew imqarrqa jew bla valuri.

    Ma nafx kif tista’ b’dal-mod titlaq għat-triq li tikkonvinċi joqrob lejk lil min ma jaqbilx miegħek. Bħallikieku hawn xi partit li jista’ jippretendi li għandu xi monopolju fuq il-valuri t-tajba.

    Jien li naf tajjeb kif għal snin twal meta d-daqqa kienet tagħhom, tal-PN injoraw kull argument favur kontroll tal-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter, forsi nifhem ħafna aktar minn ħaddieħor kemm dil-pożizzjoni li diġà ħa l-PN wara t-3 ta’ Ġunju hi falza. Donnu mhux qed jinduna li ħafna mis-segwaċi qodma tiegħu, b’mod massiċċ, mhumiex jafdawh. Mhux għal-elezzjoni ġenerali waħda imma diġà għal tnejn u għal elezzjoni Ewropea.

    KABINETT

    Il-Prim Ministru Muscat reġa’ rnexxielu jlaqqa’ kabinett ta’ ministri imħawwar tajjeb, b’talent, esperjenza u ħeġġa. Nawgurawlhom ħidma tajba. 

    L-argument li għamel il-Prim Ministru dwar l-effettività ta’ kabinett relattivament wiesgħa hu interessanti u validu. Jistħoqqlu diskussjoni. Ċertament fil-firda tas-saħħa mis-servizzi soċjali, jagħmel sens kbir. 

    Min-naħa l-oħra, forsi wasal iż-żmien ta’ limiti ġodda, stretti, dwar in-nies “tiegħu” jew “tagħha” li ministru jdaħħal fis-servizz publiku. Emmanuel Macron għadu kemm għamel dil-ħaġa fi Franza. Ġie mfaħħar ħafna dwar hekk.

    Hu żmien qares bħalissa għal dawk li tilfu kariga ministerjali. Jixirqilhom simpatija. Il-parir tiegħi hu li ma jaqtgħux qalbhom. Il-ħajja fil-politika hi rota. 

    Ġeneralment, noqgħod lura milli nsemmi ismijiet. Imma għal raġunijiet personali u għax ammirajt il-mod kif ħadem, dal-parir jgħodd żgur u bil-kbir għal Edward Zammit Lewis.

    IS-SURĠENT TAL-BŻAR

    Li taħseb li ż-żminijiet ta’ żgħożitek kienu eċċezzjonali u qatt ma se jkun hawn bħalhom, hi illużjoni. Kull żmien iż-żogħżija hu eċċezzjonali għal min jgħixu.

    Hekk nemmen u hekk argumentajt dan l-aħħar f’kitba li bgħatt għal kommemorazzjonai tal-Moviment Qawmien Letterarju tas-snin sittin tas-seklu l-ieħor.

    Imma kelli nbenġel l-apprezzament meta dan l-aħħar, ġie kommemorat bil-kbir mad-dinja kollha l-ħamsin anniversarju tal-long play li kienu ħarġu l-Beatles “Sergeant Pepper’s Lonely Hearts Club Band”. Qamitli nostalġija kbira. Naħseb li bħal miljuni oħra erġajt tlaqt nisma’ għal darba tnejn dik id-diska favoluża. Insejt fejn kont xtrajtha, j’alla jekk mhux f’ħanut tad-diski l-Belt li ilu li għalaq.

    M’inix neżaġera imma s-surġent tal-bżar deherli għadu frisk daqskemm meta nstema’ l-ewel darba, ħamsin sena ilu!

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook