Sfidi

  • Ġun 19, 2017 13:45
  • Miktub minn Alfred Sant

    L-aqwa sfidi quddiem il-gvern Laburista l-ġdid jidhru ċari għas-snin li ġejjin: il-futur tas-settur finanzjarju; il-futur tal-Air Malta u tat-turiżmu meta u jekk is-sitwazzjoni imwegħra f’diversi punti tal-Mediterran titħaffef; l-immaniġġjar tat-trasport u t-traffiku; il-ħarsien tal-ambjent; il-governanza tajba.

    Mhux se jkunu sfidi faċli f’qafas fejn min-naħa, it-tkabbir ekonomiku tal-aħħar snin irid jiġu sostnut, u mill-oħra jeħtieġ niżguraw li l-ekonomija ma “tisħonx” iżżejjed.

    Fi żminijiet oħra, biex l-isfidi li resqin jintgħarfu aħjar, il-gvern kien joħroġ “pjan ta’ żvilupp” għal numru ta’ snin.  Il-miri tal-pjani rari ntlaħqu... jew inkella ntlaħqu b’mod għal kollox differenti milli jkun ħassel il-pjan. Biss vantaġġ tal-pjani kien li jiffokaw l-attenzjoni tal-gvern u tal-Oppożizzjoni, kif ukoll tas-settur privat, fuq li kellu jsir.

    Il-pjani m’għadhomx moda. Bejn l-1987 u l-1989, il-gvern ta’ Fenech Adami kien waqqafhom għal kollox.

    ***

    FI STRASBURGU

    Is-seduta tal-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu fejn iddiskutejna l-karti tal-Panama u l-hekk imsejħa “l-osservanza tal-liġi f’Malta” kienet ħala ta’ żmien. Hekk ipprevedejt li se tkun, hekk ħasbu l-maġġoranza enormi tad-deputati Ewropej li ma attendewx, u hekk ġara. Fost deputati li kienu hemm b’dover, attendew dawk il-ftit li mmuntati mill-propaganda Nazzjonalista, jridu juru lil Malta bħala bejta mmexxija minn nies korrotti li bis-servizzi finanzjarji tal-gżira, qed iċaħħdu lill-gvernijiet Ewropej minn biljuni ta’ taxxi dovuti lilhom billi jagħtu kenn lil min jiskarta l-ħlasijiet li għandu jagħmel.

    Il-partit tal-Popolari fil-Parlament Ewropew ilu jaqla’ kritika mill-grupp tas-soċjalisti u d-demokratiċi dwar l-aġir tal-gvern ta’ Orban fl-Ungerija. Sab ix-xoqqa f’moxtha biex jippretendi li Malta taqa’ wkoll taħt l-akkuża li qed turi nuqqas ta’ rispett lejn ir-“rule of law”.

    Il-paragun bl-ebda mod ma jreġi. 

    ***

    DUN ANĠ

    Ma nipparteċipax f’attivitajiet tal-Knisja Kattolika imma nsegwi xi jkun għaddej fiha b’interess. Fost oħrajn, fil-midja, bħal dan l-aħħar fil-ġurnal “Il-Leħen”.

    Hemm qrajt l-artiklu ta’ dun Anġ Seychell dwar ir-riżultat tal-aħħar elezzjoni. “Il-Leħen” għamel sew li ppubblikah. Imma kemm did-deċiżjoni u kemm l-artiklu qalgħu attakk qawwi minn – nistħajjel – nies devoti u – nistenna – ħielsa minn kull agħbra partiġġjana.

    Biss xorta waħda kelli nistaqsi lili nnifsi: Anke jekk fil-kitba tiegħu, dun Anġ kien partiġġjan, għaliex dal-plejtu kollu? Ili s-snin sal-lum naqra kitbiet sottili u anqas sottili  tar-reverendu Joe Borg li bl-ebda mod ma tista’ ssejħilhom oġġettivi jew mhux partiġġjani.  J’alla jibqa’ jiktibhom, anke jekk ma tantx jidhru li għadhom qed ikunu effettivi bħal fil-passat. Qatt ma qanqlu kritika. Li issa l-erwieħ tajba jiskandalizzaw ruħhom b’li kiteb dun Anġ, tidhirli ħaġa bla sens.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0