Kif tpoġġi l-lingwaġġ

  • Ġun 22, 2017 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Il-midja li ssejjaħ lilha nnifisha “indipendenti” xejn ma ħassitha konfortata bir-riżultat ta’ xi sondaġġ li wera kif maġġoranza ta’ ċittadini m’għandhomx fiduċja fiha. Din il-konklużjoni ma għaġġbitnix.

    Fi ħdan dil-midja, il-kultura dominanti xejn mhi indipendenti imma hi kompletament imdakkra mil-linja politika tal-PN. Qaluhieli diversi sorsi (li mhumiex Laburisti) mid-diversi ġurnali. Imma ftit kelli bżonn il-konferma tagħhom. Tidher anki mill-mod kif ipoġġu l-lingwaġġ. 

    Dehret sew dil-ġimgħa meta l-Prim Ministru Muscat attenda dibattitu fuq Malta fil-plenarja tal-Parlament Ewropew. Jien li kont preżenti rajtu jidħaq – b’daħqa naturali li hi tiegħu – meta kien qed jiġi indirizzat b’mod pjuttost aggressiv mid-deputat Langen. Aġenzija tal-aħbarijiet online fi Brussell hekk irrapportat li għamel: daħaq.

    Għal ġurnal lokali indipendenti, ta’ Muscat ma kinitx daħqa imma “snigger” – kelma b’tifsira derogatorja. U baqgħu jużawha f’kull referenza li għamlu għall-episodju, ovvjament biex juru lill-Prim Ministru f’dawl impeċpeċ.

    B’dal-mod żlugat kif tintwera r-realtà politika, mhux bilfors li l-mezzi tal-midja jitilfu l-kredibilità?

    ***

    BERLIN/PARIĠI

    Wara t-trijomf ta’ Emmanuel Macron fl-elezzjonijiet presidenzjali u leġislattivi Franċiżi qed tikber l-aspettattiva ta’ bidliet qawwija fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Ħafna qed jaraw li bejn Berlin u Pariġi se terġa’ tinbena rabta ta’ fiduċja u koperazzjoni li għandha tressaq lejn ftehim biex l-Ewropa ssaħħaħ l-għaqda tagħha f’diversi setturi. Ħafna qed jaraw li l-mewġa tal-populiżmu battiet u li jista’ jittellaq moviment popolari favur integrazzjoni Ewropea aqwa.

    Biss, hemm ċans li min qed jara l-affarijiet b’dal-mod qed jgħaġġel wisq. Hu minnu li Macron wettaq miraklu politiku f’pajjiżu. Issa għandu quddiemu l-isfida li jwettaq jekk mhux miraklu, talanqas suċċessi ċari fuq il-fronti ekonomiċi u soċjali. Mingħajrhom ma jibqax jittieħed bis-serjetà f’Berlin waqt li f’Pariġi, bihom jew mingħajrhom hu probabbli li għad iqum id-diżgwid.

    ***

    NIRIEN

    In-nirien kienu fuq quddiem nett tal-aħbarijiet Ewropej din l-aħħar ġimgħa, bil-ħruq atroċi li seħħ f’torri residenzjali ta’ Londra u l-maltempata ta’ fjammi li ġriet mal-imsaġar tal-Portugall. Fiż-żewġ każi, l-għadd ta’ imwiet kien importanti.

    Mhijiex ħaġa li wisq tista’ ssir bis-sens, li tqabbel bejn żewġ diżgrazzji. Biss meta waħda tkun xprunata minn forzi naturali, terribbli kemm tkun terribbli, wieħed isib mod kif iġġeragħha, anke fil-ħsieb. Meta d-diżgrazzja tirriżulta minn żbalji jew nuqqasijiet tal-bniedem, x’aktarx li tinħass aktar tqila. 

    Hekk ġara lil ħafna nies quddiem il-ħruq ta’ Londra. Donnu kien konsegwenza ta’ indifferenza bierda lejn is-sigurtà ta’ residenti mis-saffi anqas prosperi tal-belt. Vera jew le, impressjoni bħal din iżżid fil-morr tal-aħbarijiet li jwasslulna d-dettalji tat-traġedja.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook