Housing

  • Ġun 23, 2017 16:43
  • Miktub minn Charles Miceli

    Fil-jiem li għaddew sirt naf lis-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali, l-Onorevoli Roderick Galdes, aktar mill-qrib. Kellna laqgħa kordjali ta’ ftit aktar minn siegħa u matulha tkellimna l-aktar dwar il-kirjiet.

    Ngħid il-verità l-Onor. Galdes impressjonani. Bniedem li jisma’ u li hu konxju tax-xogħol importanti li għandu quddiemu b’risq il-komunità, l-aktar dawk li qegħdin fl-aħħar saffi tagħha. 

    Imma nibda mill-bidu. Fil-qasam tal-akkomodazzjoni ilu jberraq. Anzi nista’ ngħid li qatt ma waqaf iberraq. Imma dawn l-aħħar snin is-sitwazzjoni saret aktar diffiċli.

    Sintendi diffiċli għal min għandu paga minima, jew kważi, u jrid isib żewġt ikmamar sura x’imkien fejn idabbar rasu. Għal min għandu l-appartamenti u jikrihom bis-€600 jew aktar fix-xahar, is-suq qatt ma kien aħjar mil-lum.

    Problema kumplessa

    Il-qagħda fejn jidħlu l-kirjiet hija waħda kumplessa. Mhux biss. Imma fejn qabel persuna impjegata kienet titħajjar tixtri r-residenza fejn tgħix, illum bil-kuntratti tax-xogħol definiti s-sitwazzjoni saret aktar iebsa.

    Għandna kobba mħabbla mhux ħażin li qed titfa’ numru sew ta’ nies fil-faqar. Anke jekk forsi ċerti statistiċi, l-aktar dawk ibbażati fuq id-dħul, juru mod ieħor.

    Madankollu ma rridux naqtgħu qalbna. U l-fatt li l-Gvern għall-ewwel darba ħatar segretarju parlamentari responsabbli direttament mill-akkomodazzjoni soċjali juri ċar li l-awtoritajiet huma konxji ta’ dak li hu għaddej.

    Ħadt gost ukoll li l-Oppożizzjoni ħatret kelliemi għall-housing soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, l-Onorevoli Ivan Bartolo.

    Imma…

    Veru li jien għandi ħabta nsib dik l-imma. Forsi sforz il-prefessjoniżmu tiegħi jew il-ħrara biex l-affarijiet għada jkunu aħjar mil-lum. Iva. Naħseb huwa żball kemm tal-gvern kif ukoll tal-Oppożizzjoni li jżidu l-kelma soċjali wara r-responsabbiltà li għandhom l-Onor. Galdes u l-Onor. Ivan Bartolo.

    Jien naħseb kemm Galdes u kemm Bartolo jridu jkunu reponsabbli mill-housing. Mhux mill-housing soċjali biss. Għax il-problema l-kbira qiegħda fil-kirjiet mingħand il-privat.

    Nispjega ruħi. Kieku s-suq tal-kirjiet mhuwiex kif inhu, kieku l-lista ta’ dawk li qed jitolbu housing soċjali hija ferm iqsar.

    U jekk kemm Galdes u kemm Bartolo mhux se jaħdmu biex jinstabu soluzzjonijiet fejn jidħlu l-kirjiet mingħand il-privat, jibni kemm jibni djar il-gvern il-lista dejjem se titwal mhux se tonqos.

    Fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin żgur ikolli opportunità nikteb aktar dwar dan is-suġġett.

    Sadanittant nawgura kemm lill-Onorevoli Galdes kif ukoll lill-Onorevoli Bartolo ħidma fejjieda. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook