Kundizzjonijiet oġġettivi

  • Ġun 29, 2017 19:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Smajna ħafna fl-aħħar ġimgħat dwar din jew dik ir-raġuni għala fl-aħħar elezzjonijiet ġenerali nkiseb ir-riżultat li nkiseb. Issemmew diversi fatturi li, skont ma ntqal, kienu deċiżivi. Biss f’diskussjonijiet hekk, ma jingħatawx biżżejjed importanza – fil-fehma tiegħi – lil kondizzjonijiet oġġettivi ewlenin fil-qagħda tal-pajjiż u tas-soċjetà li jimmarkaw bil-kbir l-andament ta’ elezzjoni ġenerali.

    Mill-elezzjoni tal-1992 sa dik tal-2008, dawn il-kondizzjonijiet kienu tnejn: il-qagħda ekonomika tal-pajjiż  u l-perspettiva Ewropea ta’ u f’Malta, influwenzata bil-kbir mis-“soft power” fostna tal-Unjoni Ewropea. Fl-1998, kien hemm kondizzjoni oħra partikolari: proċess ta’ sabotaġġ intern fil-Partit Laburista. Wara l-2008, id-diskors “Ewropew” tilef kull saħħa, li ssarraf f’dannu kbir għall-PN.

    Għalija jibqa’ misteru kif fl-aħħar snin, il-PN ma għamel xejn biex jilqa’ għal dad-dannu waqt li injora bil-kbir is-suċċess ekonomiku li kiseb il-gvern Laburista. Ikkonċentra fuq kwistjonijiet ta’ korruzzjoni li huma importanti, imma waħidhom, f’nofs progress ekonomiku qawwi, ma jċaqilqux l-opinjoni tal-kotra.

    ***

    L-ISPEAKER FARRUGIA

    Anġlu Farrugia kien jistħoqqlu bil-kbir li jingħata appoġġ ġenerali ħalli jkompli fil-kariga ta’ Speaker tal-Parlament Malti. Wettaq ħidma tajba ħafna fiha. Kien bilanċjat u sod.

    Matul is-snin fi żminijiet oħra, Dottor Farrugia u jien ħdimna flimkien, ġieli b’diffikoltajiet kompetittivi bejnietna, ħafna aktar ta’ spiss b’rieda u apprezzamenti komuni. Dejjem għoġbuni s-sinċerità, l-integrità u d-diskors dirett tiegħu. Bla dubju servewh tajjeb ħafna fil-ħidma bħala Speaker fejn irnexxielu jiġbed lejh l-appoġġ ta’ kulħadd.

    Għal li ġej, Dr Farrugia se jkollu rwol ċentrali fl-isforzi li għad iridu jsiru biex il-ħajja politika f’Malta trabbi imġiba aktar ċivili, serja u dinjituża.

    ***

    IMNARJA

    Il-festi tradizzjonali ta’ pajjiżna tilfu... qed jitilfu... mit-tifsira tagħhom? Għadhom jistgħu jiġu valorizzati bħala avvenimenti ta’ interess?

    X’aktarx li l-festa tal-Imnarja hi l-aktar milquta minn dad-dubju. Hi marbuta mal-qasam tal-biedja, wieħed li sfortunatament, jinsab f’irtirata ekonomika. Il-wirjiet li jittellgħu matul l-Imnarja, għalkemm interessanti ħafna, huma mbiegħda mill-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini komuni.

    Minn naħa, wieħed iħoss il-ħtieġa li d-drawwiet u t-tifkiriet tal-Imnarja jitħarsu u jibqgħu jiġu osservati. Madankollu, l-idea li festa nazzjonali tibqa’ tistrieħ biss fuq tifkiriet folkloriċi bħala ġustifikazzjoni għall-eżistenza tagħha tinħass ftit indiġesta.

    L-Imnarja u okkażjonijiet simili għandhom bżonn li jitpoġġew f’narrativa dwar l-identità nazzjonali li tkun aġġornata għall-esiġenzi tal-lum. Fosthom hemm il-ħtieġa ta’ impenn biex is-setturi tradizzjonali tal-ħidma ekonomika f’pajjiżna ma jitħallewx jgħosfru għal kollox. Ma nafx kemm dan jista’ jsir billi nibqgħu nfakkru b’mod sterili imġiba u drawwiet li ħadd m’għadu jipprattika. Iridu jintrabtu mal-iżvilupp ta’ metodi moderni u vijabbli fil-biedja (u s-sajd). 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook