Opportunitajiet Brexit

  • Lul 03, 2017 10:52
  • Miktub minn Alfred Sant

    Kull fejn tmur tisma’ ilħna li jwissu kif bi Brexit, il-futur se jkun aktar skur. Minħabba f’hekk, tissorprendi ruħek meta titlaqa’ ma’ min qed iqis l-opportunitajiet li se joffrilu l-Brexit. Hekk ġrali: issorprendejt ruħi l-ġimgħa li għaddiet, meta fi Brussell ġiet iżżurni delegazzjoni biex titkellem dwar das-suġġett!

    Kienet qed tirrapreżenta lill-bejjiegħa fil-ħwienet tal-ajruporti. Malajr fhimt għaliex: jekk terġa’ tidħol id-dwana bejn ir-Renju Unit u l-bqija tal-Ewropa, fl-ajruporti jisplodi l-bejgħ tad-“duty free”. Bħalissa, bejgħ fl-ajruporti ta’ oġġetti “duty free” fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif inhi ftit jista’ jiffjorixxi: il-pajjiżi membri għandhom l-istess dazji u taxxi tal-istess effett bħad-dazji. Dan jinbidel malli r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni.

    Fl-aħħar snin, l-ivvjaġġar turistiku bejn il-pajjiżi Ewropej żviluppa sew. Mhux daqstant il-bejgħ fl-ajruporti mid-dehra. Bil-Brexit se jkunu qed jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ bejgħ “duty free” f’dan is-suq turistiku li baqa’ jikber.

    ***

    SIMONE VEIL 

    Il-mewt ta’ Simone Veil qanqlet mewġa ta’ sogħba liema bħalha fi Franza. F’żgħuritha, Veil kienet deportata min-Nazi lejn Auschwitz. Irnexxielha ssalva. Kienet attiva ħafna fil-politika, fil-ħidma favur l-għaqda Ewropea u fil-ġlieda għal titjib fid-drittijiet tan-nisa.

    Kisbet l-aqwa għarfien u saret kontroversjali ħafna fl-1974. Bħala ministru tas-saħħa f’wieħed mill-gvernijiet tal-President Giscard d’Estaing daħħlet liġi li tippermetti l-abort. Kellha taffaċċja attakki feroċi, uħud minnhom tassew personali u moqżieża. Dak iż-żmien kienet waħda minn tmien deputati nisa fil-Parlament Franċiż; l-oħrajn kienu kollha rġiel. Wasslet il-liġi sal-aħħar bil-voti tal-Oppożizzjoni soċjalista, għax ħafna deputati liberali u konservattivi vvotaw kontra.

    Wara kienet eletta fil-Parlament Ewropew. Minnu, baqgħet tiddefendi d-drittijiet tan-nisa. Jien wieħed minn dawk li jammiraw l-ħerqa politika li uriet tul il-karriera tagħha, għalkemm bqajt dubjuż dwar l-impenn Ewropew tagħha li donnu kien imnebbaħ mill-federaliżmu. 

    Veil jixirqilha kull ġieħ. L-espressjoni ta’ sogħba għall-mewt tagħha kienet ġenerali u mistħoqqa.   

    ***

    IL-BAĠIT TAL-UE

    Telqu d-diskussjonijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea dwar kif se jissawwar il-baġit tal-Unjoni fis-snin li ġejjin. It-tluq tar-Renju Unit se jħalli ħofra kbira fid-dħul finanzjarju tal-Unjoni peress li dal-pajjiż iħallas aktar milli jdaħħal fil-fondi tal-Unjoni. Fl-aħħar snin, il-kontribuzzjoni tiegħu laħħqet qrib it-12 fil-mija tal-baġit totali.

    Minħabba dat-tnaqqis fid-dħul, se jkollu jsir tnaqqis fin-nefqa tal-Unjoni; jew inkella se jkollu jiżdied id-dħul permezz ta’ żieda fil-pagamenti li jagħmlu l-pajjiżi membri lill-baġit tal-Unjoni.

    Tkun xi tkun is-soluzzjoni, mhijiex se tingħoġob. Min qiegħed jistrieħ fuq finanzjament Ewropew għal proġetti ġodda ma jiħux gost jara dal-finanzjament jonqos. U ħadd mhu se jieħu gost jara l-kontribuzzjoni finanzjarja li jrid idendel tiżdied. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook