Immigrazzjoni... problema ewlenija... kriżi anzi

  • Lul 10, 2017 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    IMMIGRAZZJONI

    Għal xi żmien, inġibdet lura mill-quddiem tax-xena imma das-sajf reġgħet faqqgħet bil-kbir, bħala problema ewlenija... kriżi anzi. L-immigrazzjoni għadha materja li dwarha jeżisti nuqqas ta’ qbil profond bejn il-membri tal-Unjoni Ewropea. Qed terġa’ twassal biex il-konsenturi bejniethom joħorġu fil-beraħ.

    L-Italja għandha kull raġun tistenna s-“solidarjetà” tal-pajjiżi l-oħra Ewropej waqt li tilqa’ għal mewġa oħra ta’ immigranti fuq xtutha. Niddubita kemm se ssib sodisfazzjon f’hekk. Il-Greċja għadha qed tistenna ħalli tingħata r-riżorsi meħtieġa biex l-immigranti li ilhom għandha jkollhom it-trattament imwiegħed u biex jitqassmu fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni.

    X’jista’ jsir fuq hekk? Bla qbil unanimu ftit se jkun hemm progress. Il-Prim Ministru Muscat sostna fil-Parlament Ewropew li mhux diżgwid li hemm bejn il-pajjiż Ewropej, imma agħar: nuqqas ta’ qbil dwar “valuri”.

    Forsi għandu raġun. Biss il-valuri bejn il-pajjiżi dejjem jissawru skont l-interessi tal-involuti, u skont kif dawn l-interessi jiġu sostnuti minn dawk li huma mqabbda biex iħarsuhom. 

    G 20

    Il-laqgħa tal-G 20 f’Hamburg qanqlet protesti qawwija fit-toroq. Dawn issejħu l-aktar kontra l-kapitaliżmu. Intużat vjolenza mill-protestanti u mill-pulizija, it-tnejn mobilizzati bil-kbir.

    Hu dnub li l-kritika li nisimgħu dwarha tal-kapitaliżmu titqanqal l-aktar f’okkażjonijiet hekk. Partiti jew movimenti soċjali li jitkellmu u jaġixxu biex irażżnu l-kapitaliżmu prattikament ma baqax. Il-kunsens hu li m’hemmx mod aħjar kif tmexxi l-ekonomija, jekk mhux permezz tal-kapitaliżmu. U issa dan mhux biss rikeb f’kull pajjiż, imma mad-dinja kollha.

    L-aktar li mmorru ’l bogħod hu billi ngħidu li l-kapitaliżmu għandu jiġi “regolat”. L-istat mhux mistenni jaġixxi aktar bħala aġent ekonomiku imma bħala referi biex jassigura li l-logħba ekonomika tintlagħab skont regoli “ġusti” li jippermettu lill-kapitaliżmu jiffjorixxi.

    STRASBURGU

    Reġgħet qamet il-kontroversja dwar jekk il-Parlament Ewropew għandux jibqa’ jitlaqqa’ fi Strasburgu. Maġġoranza ta’ deputati Ewropej iqisu bir-raġun li l-appuntament tal-plenarja kull xahar hemm hu inkonvenjent qawwi u żejjed. Dan barra milli jqanqal spejjeż żejda inkredibbli għall-Unjoni.

    Kien fl-ewwel snin tal-għaqda Ewropea li ġie deciż fil-ftehim bejn il-pajjiżi membri li s-sede tal-Parlament Ewropew jitpoġġa fi Strasburgu. Dil-ħaġa ma tistax tinbidel jekk ma jkunx hemm ftehim unanimu bejn il-pajjiżi membri. Ħaġa ċara li l-Franċiżi, huma min huma, mhumiex se jaqblu.

    Mill-aħħar kontroversja madankollu, ħareġ punt ġdid – li jorbot mal-idea li wara kollox, il-Brexit jista’ joffri wkoll opportunitajiet. Minħabba fih, is-sede tal-Awtorità Bankarja Ewropea trid tiċċaqlaq minn Londra. Intqal: kieku tintbagħat fi Strasburgu minflok il-Parlament Ewropew li jitlaq lejn Brussell, ma jkunx skambju aċċettabbli? Hekk naħseb.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook