Indafa

  • Lul 13, 2017 08:16
  • Miktub minn Alfred Sant

    INDAFA

    Fost l-isfidi – biex ma ngħidx problemi – li t-tkabbir ekonomiku qawwi qed iġib miegħu, hemm dik tal-indafa publika. L-iskart qed jiżdied b’rata li forsi hi akbar minn dik tal-konsum, li x’aktarx qed jiżdied b’rata ogħla minn dik tat-tkabbir ekonomiku. Il-ħmieġ li jinqala’ mhux kollu jitnaddaf fil-ħin. 

    Għal xi ħadd li qed iħares “minn barra” lejn xinhu jiġri, l-impressjoni hi li mhux qed ikun hemm perspettiva waħda dwar kif dan l-iskart għandu jiġi kklirjat. L-iskart domestiku l-aktar li jitħaddem b’sistema organizzata għalkemm ta’ spiss wisq, donnha hi maqsuma f’wisq “baruniji” ċkejkna. 

    Biss imbagħad, f’postijiet publiċi fejn tinġema’ l-attività turistika jew tal-festi jew tal-kummerċ, it-tindif jaqa’ lura. Id-dixxiplina mill-publiku kważi ma teżisti xejn.

    Biex ingħidu kollox: fl-aħħar snin, seħħ titjib enormi fil-mod kif it-tindif isir wara attivitajiet tal-massa, bħal mass meetings u kunċerti ta’ mużika. Imma f’dan kollu, għad jonqos xi ħaġa...

    UGWALJANZA

    L-ironija hi li kollox twettaq fi ftit tas-snin biex jingħelbu l-preġudizzji enormi kontra, u tinġab l-ugwaljanza totali – u mistħoqqa – fis-soċjetà għal persuni fil-komunità LGTB. 

    Sadattant, b’kuntrast ma’ dan, l-intenzjonijiet tajba biex maġġoranza fil-pajjiżma tibqax żvantaġġjatafil-mod kif tieħu sehem fid-deċiżjonijiet ta’ tmexxija ewlenin, mhux talli ma tawx frott. Talli jidher li waqgħu lura.

    Veru li n-nisa f’pajjiżna kisbu aċċess għal edukazzjoni u qed jużawh aktar mill-irġiel. Imma fejn jidħlu l-oqsma tad-deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi, għadhom f’minoranza xokkanti.

    Nibqa’ nemmen li din l-inugwaljanza tista’ tintrebaħ biss b’miżuri ta’ diskriminazzjoni pożittiva, jiġifieri bil-kwoti. Pajjiżi oħra hekk sabu.

    ĦAĠRET IL-QAMAR

    Jeżisti ċertu gost li skoprejt dan l-aħħar, filli tirritorna lejn kotba li tkun qrajt ilu ħafna biex terġa’ tittawlilhom. Hekk għamilt b’“Ħaġret il-Qamar”, rumanz ta’ Wilkie Collins li kien sensazzjoni fis-seklu dsatax meta ħareġ għall-ewwel darba. L-Ingliżi għadhom iqisuh bħala l-ewwel rumanz tad-didektivs “modern” għalkemm naħseb li qed jeżaġeraw f’hekk. Kitbiet oħra jixiriqilhom aktar dan it-titlu... jekk jagħmel sens.

    Hu xinhu, Collins jirnexxielu jqanqal kurżità u interess fin-nisġa li jiżvolġi, anke jekk tinħass għal żminijietna, ftit komplikata u mtawla. Dak li jintqal f’elf kelma, seta’ ntqal f’400.

    Imma l-atmosfera li jibni, it-tensjoni li joħloq bejn il-karattri, il-battuti komiċi jew farseski, l-istess arkitettura melodrammatika tar-rumanz jibqgħu affaxxinanti. Wara li tkun qrajtu fiż-żgħurija, malli ssib li llum għadek issibu interessanti, bilfors iqumu fik ċerti riflessjonijiet dwar is-siwi tal-letteratura, jew tal-arti. 

    X’inhu li jagħmilha effettiva minn pajjiż għal pajjiż, minn età għal età, minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni, minn seklu għal ieħor?

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0