"Naraha ħaġa skandaluża li Smart City issir żona oħra għal żvilupp residenzjali"

  • Lul 17, 2017 07:45
  • Miktub minn Alfred Sant

    SMART CITY

    Naraha ħaġa skandaluża li Smart City ssir żona oħra għal żvilupp residenzjali. Mill-bidu nett dal-proġett kien skandaluż – filmod kif ġie preżentat, kif tmexxa, kif ma laħaq xejn dak li tpaspar għalih. Veru li ma kienx l-ewwel proġett kbir fejn ġara hekk. Biżżejjed niftakru f’Chambrai, Mater Dei, Tigne. Dwar tal-aħħar nammetti parti mir-responsabbiltà, għax meta stajt ħallejtu jmut mewta naturali, għent biex jinżamm ħaj.

    Il-promoturi ta’ Smart City wegħduna l-ġenna fl-art: kellhom iġibu fiha ditti bl-aqwa teknoloġija u l-aqwa valur. Dak iż-żmien kont titqies li qiegħed tidgħi jekk tikkritika l-proġett jew tesprimi dubji dwar il-wegħdi li baqgħu jsiru. Minnhom ftit li xejn twettaq.

     Li issa fuq l-ingann sfaċċat li sar, jitrikkbu benefiċċji ġodda favuru tidhirli ħaġa ta’ barraminnhawn. 

    MELITA & VODAFONE

    Min qed iwissi li l-għaqda f’kumpanija waħda ta’ Melita u Vodafone tista’ tissarraf f’dannu għall-konsumatur għandu raġun. Għalkemm il-vantaġġi tal-għaqda tfissru publikament bħala ta’ ġid għall-poplu, meta tiflihom sew tifhem li filfatt jirrelataw aktar ma’ konvenjenza u faċilità akbar fil-bejgħ għall-operaturi taż-żewġ azjendi. 

     Bħalissa l-konsumatur għandu għażla bejn kumpanija li tista’ tipprovdilu servizz sħiħ fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, u żewġ kumpaniji li jipprovdu parti mis-servizz li bejniethom tammonta għal servizz sħiħ. Bil-għaqda bejn iż-żewġ kumpaniji, l-konsumatur se jkollu għażla bejn żewġ servizzi sħaħ.

    Il-qagħda se tiġi tixbah dik li teżisti fil-banek fejn l-HSBC u l-BOV jiddominaw ix-xena. L-esperjenza ta’ duopolju fil-qasam bankarju ma tantx hi sabiħa. Mingħajr ħtieġa li joqgħodu formalment jiftehmu bejniethom, iż-żewġ partijiet jistgħu jissettjaw il-prattiċi u t-tariffi tagħhom b’mod li l-għażla għall-konsumatur tirriduċi ruħha għal waħda bejn tewmin identiċi.

    BINI 

    Il-qasam tal-kostruzzjoni għaddej minn mewġa ta’ ħidma li tirrifletti t-tkabbir ekonomiku fil-pajjiż kollu. M’hemm xejn ħażin f’hekk. Il-bini għadu parti mis-sinsla tal-magna ekonomika f’pajjiżna, allavolja m’għadux fost is-setturi li l-aktar jiġġeneraw valur.

    Biss, forsi hu s-settur li l-aktar jġib miegħu spejjeż li ma jinġarrux mill-imprenditur imma mis-soċjetà kollha kemm hi. L-ewwel spiża li tiġik f’moħħok hi l-ambjentali, imma mhux biss. Fost oħrajn, hemm l-għeluq tat-toroq bl-inkonvenjent li jġib miegħu u l-ħala ta’ ħin għas-sewwieqa, kemm privati, kemm dawk li jkunu b’qadi kummerċjali. Hemm il-ħmieġ u t-trabijiet li jinqalgħu, speċjalment meta, kif ta’ spiss jiġri, ir-regolamenti tal-bini jew ma jiġux obduti jew jiġu obduti ħażin. Il-konsegwenzi jissarrfu fi spejjeż ta’ tindif u ta’ kura tas-saħħa għal ħaddieħor.

    Wasal iż-żmien li jiġi kummissjonat studju li jikkalkola kemm tiswa lill-komunità din l-ispiża moħbija.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0