Kuntrast kurjuż bejn żewġ elezzjonijiet fi ħdan il-partiti l-kbar

  • Lul 20, 2017 08:33
  • Miktub minn Alfred Sant

    ELEZZJONI

    Kurjuż il-kuntrast bejn żewġ elezzjonijiet fi ħdan il-partiti l-kbar li żvolġew kważi fl-istess ħin: dik għal deputat Mexxej għall-affarijiet tal-Parlament fil-PL, u dik għal mexxej fil-PN.

    Il-Prim Ministru kellu raġun “jiftaħar” bil-firxa ta’ kandidati tajba ħafna li l-PL kellu għall-għażla; il-PN donnu sabha bi tqila jikxef biżżejjed ħeġġa fost kandidati potenzjali għall-ħatra vojta. Mentri għal min jemmen fil-PN, kont nistħajjel li l-isfida quddiem dawn il-kandidati, iebsa kemm hi iebsa, se toffri l-akbar  interess personali.

    Jista’ jkun li l-PN għadu qed isofri mill-“marda” ta’ partit li jkun dara wisq jaħdem bħala gvern, fejn ħafna drabi l-partit jispiċċa dominat mill-gvern. Wara li jinfatam mill-gvern, ħafna membri tal-partit idumu sakemm isibu saqajhom kemm personalment, kemm politikament.

    Il-PN għadda minn din il-fażi bejn l-1971 sal-1976, u l-PL bejn l-1987 u l-1992. Ir-riżultat elettorali ta’ dis-sena forsi jikkonferma l-punt li fl-aħħar mill-aħħar, il-ħidma ta’ George Borg Olivier u ta’ Karmenu Mifsud Bonnici f’dawk iż-żewġ perijodi sfaw wisq sotto-valutati. 

    MUDELL TA’ NEGOZJU

    Jekk qed nifhem tajjeb, il-mudell tan-negozju tal-Air Malta se jinbidel, minn wieħed ta’ ristrutturar lejn operat aktar ħafif, waqt li jiġi mfittex sieħeb li jista’ jipprovdi riżorsi ġodda; għal mudell ta’ ristrutturar lejn operat aktar wiesgħa, bħal b’titjiriet lejn Frankfurt, biex iżid fil-vijabbiltà tal-kumpanija u b’hekk hi ssir attraenti għal kwalunkwe sieħeb li jitressaq lejha. 

    Ikun xi jkun il-mudell, il-mistoqsija tibqa’ jekk hux se jkun hemm bżonn ta’ aktar għajnuniet tal-istat; fuq hekk, il-Kummissjoni Ewropea tibqa’ tgħid le. 

     L-uniku mod kif dil-ħaġa tista’ tiġi evitata hu billi jkun hemm injezzjoni ta’ kapital mis-settur privat. Biex dan iseħħ, ikollu jitwettaq ristrutturar finanzjarju tal-kumpanija diffiċli sew. Anki jekk jirnexxi, bl-ebda mod ma jiggarantixxi l-vijabiltà tal-operat.

    F’BALZUNETTA

    Rajt “Balzunetta Towers” darbtejn, darba mill-wara nett tat-Teatru “Rjal”, darba oħra min-nofs tal-udjenza fl-aħħar wirja li ngħatat.

    Kien ili ma nara spettaklu tal-palk mimli b’daqshekk ħajja, ifawwar bit-talent u l-ħeġġa ta’ kast pjuttost żagħżugħ magħmul minn kantanti u atturi. Sal-aħħar żamm ritmu mqanqal. Sean Buhagiar id-direttur jistħoqqlu kull tifħir għat-tmexxija u l-viżjoni teatrali tiegħu li fil-fehma tiegħi, irnexxew fuq kull livell. L-istess ħaġa tgħodd għal Dominic Galea u l-“orkestra” li dderieġa b’mod impekkabbli f’interpetazzjoni vivaċi tal-mużika li kkompona għall-wirja. 

    Fuq kollox l-udjenzi numerużi jidhru li apprezzaw bil-kbir dak li raw u semgħu.

    Kien ta’ sodisfazzjon kbir għalija, li ili snin twal issa maqtugħ mid-drama, li nkun assoċjat flimkien mal-ħabib tiegħi Albert Marshall ma’ dil-produzzjoni impressjonanti.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook