Kontijiet

  • Lul 24, 2017 10:59
  • Miktub minn Alfred Sant

    KONTIJIET

    Il-pjan tal-ministru tal-finanzi Scicluna biex jaqleb il-kontijiet tal-gvern għal sistema li taħdem permezz tal-“accruals” minn waħda msejsa fuq il-ħlas attwali tal-kontijiet pendenti, hu ta’ mi ifaħħru. Kemm jista’ jirnexxi hu ħaġ’oħra. 

    Ninsab xettiku dwar kemm se taħdem l-idea li l-proġett jiġi fdat lil kumpanija tal-awdituri. Niddubita kemm din tista’ tlaħħaq mal-kumplessità tal-isfida.

     Bl-istess mod kont xettiku, bir-raġun, dwar l-idea li kellu l-ministru tal-finanzi Dalli xi ħmistax-il sena ilu, li jpoġġi f’kull ministeru, uffiċjal inkarigat taħt il-ministeru tiegħu biex jirreġistra l-ispiża li tkun qed tiġi attwata mill-gvern. Dik il-proċedura fgat fil-burokrazija li hi stess ħolqot.

    Hemm diversi modi kif jinħbew l-impenji ta’ spiża tal-gvern. Biex sistema ta’ “accruals” tirnexxi, irid ikollha tmexxija minn fuq nett tal-gvern; u qabel xejn, insistenza biex kull att jew deċiżjoni li jfisser spiża jkun magħruf u ċentraliżżat f’reġistru wieħed. 

    Sa fejn naf jien, l-ebda gvern Ewropew m’għad għandu sistema vera ta’ kontabilità bl-“accruals”.

    LULA

    Bħal ħafna oħrajn, kont nammira bil-kbir lil Lula, President tal-Brażil għal żewġ mandati, li ħareġ mill-klassi tal-ħaddiema u rnexxielu jagħmel ħafna biex itejjeb il-kondizzjoni tan-nies tax-xogħol. 

     Qiestu bħala mudell brillanti ta’ kif is-soċjaliżmu demokratiku jista’ jkun effettiv mingħajr ma jxerred id-dutrina tal-vjolenza, li tispiċċa tnawwar kull valur uman.

    Issa Lula instab ħati ta’ atti ta’ korruzzjoni li mhumiex ċkejkna.

    Il-klassi politika kollha tista’ tgħid tal-Brażil tinsab imtebbgħa bl-istess xilja fl-iskandlu enormi li nkixef meta ħarġu fil-beraħ il-maniġġi tal-Petrobras, il-kumpanija Brażiljana nkarigata mit-tiftix għaż-żejt u l-bejgħ tiegħu. Jista’ jkun li Lula wkoll bill subgħajh – anki waqt li kien qed jieħu deċiżjonijiet li ġabu ġustizzja soċjali akbar fil-pajjiż?

    Jekk iva, x’wasslu biex jagħmel hekk?

    Jekk le, liema huma l-forzi qawwija biżżejjed biex iħammġuh b’dal-mod? Id-dilemma hi ħafna agħar minn meta kien hemm l-armata tikkontrolla l-pajjiż bl-aktar mod selvaġġ. Allura, kulħadd kien jaf fejn jinsab it-“tajjeb”, fejn il-“ħażin” – anke stajt tiġġustifika l-atti tat-“terrorista” Carlos Marighella.

    F’dinja globalizzata, iċ-ċertezzi qed idubu.

    ŻMIEN 

    Il-kefrija tal-bidliet li jġib miegħu ż-żmien imgħoddi ġġarrabha b’diversi modi.

    Lil Billy Joel ma segwejtu xejn aktar matul is-snin minn meta ħareġ il-“long play” tiegħu 52nd Street. Ma nsejtux – bqajt niftakru, imma niftakru kif jidher fil-qoxra ta’ dak l-album u kif jinstema’ fid-diska.

    Għalhekk ħadt xokk narah fuq you tube, ikanta mhux ilu f’kunċerti, kanzunetti bħal “Honesty”. Il-vuċi għadha tajba. 

     Biss dak Joel? 

     Xraf sew, bħall-ġenerazzjoni tiegħu u ta’ qablu, bħali u l-ġenerazzjoni tiegħi, minn meta ħareġ 52nd Street.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0