Krejnijiet

  • Lul 27, 2017 10:38
  • Miktub minn Dr Alfred Sant

    Jaħkmu s-smewwiet ’il fuq mill-bjut. Mill-Belt sa Tas-Sliema sal-Mellieħa. Ta’ kull daqs, imma kollha mill-kbar. Wara l-karozzi privati, l-krejnijiet saru l-aktar struttura mekkanika li toħnoq it-toroq tal-pajjiż. In-numru tagħhom jiżdied għandu, mhux jonqos.

    Nimmaġina li fl-aħħar sentejn, l-importazzjoni ta’ dawn l-inġenji żdiedet sew imma ma jidhirx li teżisti statistika dettaljata dwar hekk. Anqas u anqas dwar jekk il-materjal importat hux investiment f’makkinarju ġdid jew “second hand”. 

     Sa ftit taż-żmien ilu, kont tgħid żgur “second hand” il-materjal li dieħel. Illum tant qed jinbidlu malajr id-drawwiet anke ta’ kif azjendi żgħar jidħlu għal impenji ta’ spiża, li ma tistax torbot aktar fuq il-preferenza li kienet tintwera għal inġenji “rħas”, użati.

    Ċara li din l-attività kollha hi misjuqa mill-prezzijiet dejjem telgħin tal-kirjiet u mill-aspettattivi li t-talba għall-propjetà se tibqa’ qawwija fis-sentejn/tlieta li ġejjin. L-andament ta’ setturi bħall-imħatri bl-internet u s-servizzi finanzjarji jiġġustifika din l-istennija. Biss ma għandna l-ebda indikazzjoni dwar kemm fil-futur, jista’ jkun fraġili l-iżvilupp f’dawn iż-żewġ oqsma.

    ***

    POLONJA

    Għal xi ħadd bħali, il-kontroversja ta’ bejn il-Polonja u l-Unjoni (jew il-Kummissjoni) Ewropea tqanqal dilemma, anke morali. Ftit nista’ naqbel ma miżuri ta’ gvern – bħal ma ried idaħħal il-gvern Pollakk – li jkunu maħsuba biex imewtu l-indipendenza tal-ġudikatura; għalkemm nemmen li realtajiet politiċi u soċjali f’pajjiż jistgħu jwasslu biex din l-indipendenza tkun ta’ natura formali, waqt li fir-realtà l-ġudikatura tkun iddominata minn elites li jiġbdu lejn partit wieħed.

    Biss, xejn ma nieħu gost ninqabad f’maniġġi Ewropej biex noqogħdu nagħtu ġudizzju dwar l-operat sovran ta’ dan jew dak il-pajjiż, membru jew le tal-Unjoni. Jintqal x’jintqal, il-biċċa l-kbira minn dawn il-maniġġi jkunu mnebbħa minn kalkoli politiċi okkulti. 

     Kif xejn ma għoġobni li l-Parlament Ewropew jiddeffes fix-xena politika Maltija, daqshekk ieħor ma napprezzax manuvri simili li jsiru dwar pajjiżi oħra membri tal-Unjoni.

    ***

    RELATIVIŻMU

    Reġa’ qam diskors dwar kif irridu noqgħodu b’seba’ għajnejn li ma nħallux li l-għożża tal-valuri li nemmnu fihom, tiddgħajjef bil-vizzju tar-relativiżmu. Bidliet fil-liġi taż-żwieġ ħalli din tinkludi fiha żwieġ bejn persuni taż-żewġ sessi, bidliet proposti fil-liġi tal-IVF – qed jiġu preżentati bħala skoss ieħor biex il-valur tal-ħajja umana ma jibqax assolut, imma jiġi “relattiviżżat”.

    Bħallikieku mhux dejjem hekk kien.

    Il-piena kapitali kienet sa ftit taż-żmein ilu prattikata bla problemi, inkluż fl-istat tal-Papa; fi żmien Santu Wistin ta’ Aquinas, l-abort ta’ fetu ta’ anqas minn tlieta/erba’ xhur kien mitqies bħala dnub venjal; il-massakri ta’ eretiċi bħall-Katari kien jitqies ħidma qaddisa.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0